Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)
F’Mejju niċċelebraw l-imħabba tal-ommijiet. Però bħalma nafu, hemm forom differenti ta’ mħabba li persuna tista’ tagħti u tirċievi tul ħajjitha. Fil-counselling, pereżempju, il-counsellor jipprovdi unconditional positive regard lill-persuna li tkun qed tirċievi l-counselling. Din l-attitudni hija l-mod ta’ kif il-counsellor juri li jimpurtah mill-persuna. Din hija attitudni li tipprova tiffaċilita lil dak li jkun biex jgħarrex fih innifsu u jikber. Il-kwalitajiet ta’ mħabba msemmijin hawn taħt huma, xi ftit jew wisq, preżenti f’nies li verament jixtiequ l-ġid lil ħaddieħor.
X’inhi l-Imħabba?
L-imħabba ma tistax tiġi deskritta jew spjegata bi kliem sempliċi.
Persuna tista’ tesperjenza mħabba u tkun taf li hi mħabba;
bniedem jista’ jħobb lil xi ħadd ieħor u jkun jaf li ta l-imħabba lil xi ħadd.
Imma l-imħabba għandha wisq faċċati biex tinġabar f’definizzjoni waħda.
L-Imħabba hija ħajja
L-Imħabba ssuq, tagħti l-enerġija,
tqabbad.
L-Imħabba tkebbes ix-xrar għall-azzjoni,
tagħti l-ħajja.
Hija ssalva u tipproteġi mill-periklu.
L-Imħabba tqanqal kuxjenza, tqajjem mir-raqda.
L-Imħabba tqajjem mill-mewt spiritwali.
L-Imħabba hi iktar b’saħħitha minn…
Kull ostaklu,
kull biża’,
marda fiżika,
limitu mentali,
weġgħa emozzjonali,
nixfa spiritwali,
liġi naturali.
L-Imħabba hi abbundanti.
L-Imħabba hija verb
Hija tagħti, tipprovdi,
isservi, titma’, tħoss.
L-Imħabba taħfer.
Hija tesprimi, tindirizza, tispjega.
L-Imħabba jimpurtaha.
Hija tfittex, issib u taqsam.
L-Imħabba tfejjaq u tirrestawra.
Hija tmiss, tgħannaq,
iġġib il-ferħ.
L-Imħabba tittama u tibqa’ tittama.
L-Imħabba tagħti t-tama.
L-Imħabba hi ġest simboliku
L-Imħabba tqabbad xemgħa fid-dlam;
hija taptipa fuq l-ispalla, minn min jimpurtah;
hija dik id-demgħa ġġelben ma’ ħaddejk,
tbissima, tgħanniqa mill-qalb.
L-Imħabba intelliġenti
Hija tosserva,
tassoċja,
tisma’ b’attenzjoni,
temmen,
tikkonvinċi.
L-Imħabba hi kapaċi,
kompetenti.
L-Imħabba taf.
L-Imħabba kreattiva
Tivvinta,
toħloq,
issolvi.
L-Imħabba tesplora,
tibni pontijiet, tgħaqqad.
L-Imħabba ssib is-sbuħija f’dak kollu li tħobb,
u ssebbaħ dak kollu li tħobb.
Hija taf tkun metodika u taf timprovizza.
L-Imħabba taf tittrasforma s-suġġetti radikalment,
u tista’ tagħġinhom bil-mod.
Hija rigal, grazzja.
L-Imħabba mhix…
diviżjoni imma unjoni;
mhix kompetizzjoni imma kollaborazzjoni;
mhix esklużjoni imma inklużjoni;
mhix solljiev imma kura;
mhix superfiċjali imma intima ħafna, tmiss il-qalba.
Ma tibqax fil-baxx imma tinżel fil-fond;
mhix ġerarkija imma relazzjoni;
L-Imħabba mhux sempliċiment xi ħaġa li tħoss,
imma hija deċiżjoni, għażla.
L-Imħabba ma tiġġudikax,
imma kollha kurżità, tisma’ b’attenzjoni,
titgħallem u tifhem;
L-Imħabba ma tiħux vantaġġ jew tabbuża.
Ma tħosshiex superjuri jew tipprova tinferjorizza.
Ma tfittixx li japprovawha, imma tfittex il-verità.
L-Imħabba hi paradossali
L-Imħabba tista’ tipprovdi tifsira,
imma taf tqajjem ħafna mistoqsijiet.
L-Imħabba tkennen u tipproteġi,
imma tesponi għall-elementi wkoll.
L-Imħabba taf tgħallem bil-mod,
imma taf tisforza fuqek tagħlima iebsa.
L-Imħabba taf tagħmel il-mirakli,
imma tirrikjedi xogħol iebes ukoll.
L-Imħabba paċenzjuża, però taf tkun furjuża.
Waqt li ttik l-enerġija, tista’ tgħejjik.
L-Imħabba taf tfejjaq imma tesponik għall-uġigħ ukoll.
L-Imħabba toffri, imma ma timponix.
Hija titlob imma ma tittallabx.
L-Imħabba tiftakar u tinsa.
Hija innoċenti imma għarfa ħafna;
kuraġġuża imma taf iċċekken lilha nfisha.
Minkejja li hi umli, l-Imħabba għandha l-kburija tagħha.
Billi teskludi ċertu affarijiet, l-Imħabba
tinkludi oħrajn;
kultant tittermina, biex toħloq mill-ġdid.
L-Imħabba tfaħħar imma ma timliex bix-xema’.
Ma tiffokax fuqha nfisha imma dejjem f’kuntatt
sħiħ mar-ruħ.
L-Imħabba hi passjoni,
imma xorta preżenti f’dak li hu ordinarju u ta’ kuljum.
Hija permanenti imma tbiddel kollox.
Hija taf tagħti kollox, imma taf iżżomm ftit ukoll.
L-Imħabba tinvolvi ruħha, imma taf tagħti spazju.
L-Imħabba timmansa u tifferoċja.
Minkejja li hi sempliċi, hija diffiċli biex tipprattika.
L-Imħabba tibqa’ hemm, imma taf tinħall.
Hija tagħti togħma, imma taf ittiegħem qares.
L-Imħabba hi kwalità, imma trendi l-kwantità.
Hija toħloq tifsira mill-kaos.
L-Imħabba tgħaqqad il-biċċiet,
imma tista’ tħalli l-biċċiet separati; imkissrin,
imma sħaħ.
L-Imħabba taf tkun silenzjuża,
minkejja li jkollha ħafna xi tgħid,
L-Imħabba qaddisa, imma ma tadottax attitudni wisq ċerta mill-moralità tagħha.
Taf tkun bla kantunieri u taf tkun raffinata.
L-Imħabba mhux neċessarjament tipprevjeni l-uġigħ.
Taf tgħid le għal xi ħaġa,
biex tkun tista’ tgħid iva għal xi ħaġa oħra.
L-Imħabba tibqa’
L-Imħabba mhix dejjem ħelwa, mhix dejjem pikkanti.
Taf tieħu forma oħra,
Imma l-Imħabba tibqa’.
L-Imħabba tibda u ttemm.
L-Imħabba hi preżenza,
impenn, konsistenza,
sagrifiċċju.
Hija leali, responsabbli, u wieħed jista’ jistrieħ fuqha.
L-Imħabba tibqa’ tipprova,
imbagħad tagħmel iktar sforz biex terġa’ tipprova,
u mbagħad tipprova mill-ġdid.
Hija tibqa’ temmen,
tibqa’ tara l-possibilità u l-potenzjal.
L-Imħabba tapprezza.
Qatt mhi mirbuħa, u tibqa’ ssus ’il quddiem.
L-Imħabba hi ħelwa, mhux bi dmir imma b’għażla;
hija ħelwa anke ma’ dawk li mhumiex ħelwin lura.
L-Imħabba taf tissaporti kollox.
L-Imħabba ospitabbli
Hija tistieden u tilqa’.
L-Imħabba tagħmel il-ħin.
Hija titratta tajjeb,
kultant tfissed u tissorprendi.
L-Imħabba hi tolleranti u taċċetta.
Hija ġentili, ħelwa,
tqis, taħseb f’dak li jkun,
rispettuża, sensittiva.
L-Imħabba hi Divina
L-Imħabba hija sagra, infinita;
qawwa bla tmiem.
Hija titraxxendi l-ispazju u l-ħin,
titraxxendi differenzi razzjali u kulturali,
differenzi fit-twemmin reliġjuż,
politiku u personali.
Ħadd u xejn ma jillimita l-Imħabba.
L-Imħabba tmur ’l hinn minn dak li jista’ jifhem l-uman.
L-Imħabba hi l-verità,
u l-Imħabba hija t-triq.
L-Imħabba tagħti l-paċi.
U dawk li jagħżlu t-triq tal-Imħabba
jirbħu dejjem, kultant b’modi alternattivi.
L-Imħabba tibdel…
kollox,
lil kulħadd.
Bl-Imħabba, xejn ma jibqa’ l-istess.
Hija tibdel lili, lilek, lilu, lilha, lilhom.
L-Imħabba vera tibdilna lkoll.
L-Imħabba hi kollox
Jekk għandek l-Imħabba, għandek kollox;
jekk m’għandekx imħabba, m’għandek xejn.