Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)
Li togħġob lil ħaddieħor taf tkun verament premjanti. Ngħiduha kif inhi, tħossok tajjeb meta ħaddieħor jitbissimlek, jew jagħti b’rasu b’approvazzjoni u b’apprezzamant tagħhom lejk ta’ xi ħaġa li tkun għamiltilhom. Sabiħa li tħossok rikonoxxut, approvat, imfaħħar; meta jċapċpulek, jikkwotawk jew anke jħallsuk żejjed. Meta n-nies jiddeskrivuk bħala “ħelu, tgħin lin-nies, ġeneruż u tinsa lilek innifsek…” ħafna drabi kliem bħal dan ikun melodija għal widnejna. U meta jgħidulek li int ‘l-iktar’ jew ‘l-unika persona li’ hija “daqstant kapaċi, bieżla, dik li dejjem tmur pass oltre…”, ħeq, dak il-livell ta’ affermazzjoni żgur mhuwiex ta’ min jitilfu!
Imma mhix sempliċiment l-ego-trip li tattira lin-nies biex ifittxu li jintogħġbu. Il-biża’ li ddardar l-għajn li tixrob minnha jew li taqla’ inkwiet fejn m’hemmx bżonn hija biża’ daqstant ieħor b’saħħitha biex timxi mal-kurrent u tigdem ilsienek b’tali mod li takkomoda l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Jista’ jkun verament ta’ riskju meta tagħżel li titkellem ċar dwar x’mintix lest li tikkomprometti. Minbarra li tista’ tiġi interpretat bħala pastaż, egoist jew stramb, tista’ anke tiġi eskluż u saħansitra anke mkeċċi mix-xogħol.
Meta tipprova togħġob lil ħaddieħor tista’ tweġġa’ kemm lilek innifsek u kemm lil ħaddieħor
Hawnhekk qed nirreferu għal meta tissagrifika l-bżonnijiet tiegħek biex togħġob lin-nies. Ovvjament m’hemm xejn ħażin li takkomoda lill-oħrajn jekk biex tagħmel dan ma tkunx qed tikkomprometti l-bżonnijiet tiegħek. Però jekk għandek tendenza li taċċetta l-affarijiet sempliċiment għax ma tafx tgħid le jew għax tibża’ li toħloq l-inkwiet, inkella li jħarsu lejk (jew jittimbrawk) bħala persuna ħażina, allura li togħġob lin-nies f’sitwazzjonijiet bħal dawn hija tossika kemm għalik u kemm għall-oħrajn.
Meta tissopprimi l-bżonnijiet tiegħek biex togħġob lil ħaddieħor tkun qiegħed f’periklu li tesperjenza burnout jew li titlef min int. Ġismek u l-psike tiegħek għandhom mod intelliġenti ħafna kif ifakkruk biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek, u xi drabi dawn jiġu f’forom koroh u persistenti. Għalhekk, minbarra li tkun forma ta awto-distruzzjoni, li tinjora l-bżonnijiet tiegħek hija wkoll forma ta’ kif ma tkunx ta’ servizz għal ħaddieħor. Peress li l-bżonnijiet tiegħek ma jistgħux jiġu injorati indefinittivament, tispiċċa ma tkunx tista’ tagħti iktar, għaliex it-tazza tiegħek tkun proprju vojta. Barra minn hekk, probabbilment tkun qed iġġorr sentiment ta’ riżentiment kontra l-persuna/i l-oħra, talli jkunu għaffġu fuq il-bżonnijiet tiegħek. Għalhekk, meta ma noħolqux konfini, noħolqu nuqqas ta’ konnessjoni, anke jekk din ma tkunx tidher b’mod immedjat.
Kif il-konfini jistgħu jipproteġu kemm lilek u kemm lill-oħrajn
Għal min iħobb jogħġob lin-nies jew dawk li jbatu biex joħolqu konfini, tista’ tinħass intimidanti, riġida jew anke krudili li toħloq il-konfini. Imma fil-verità hija totalment bil-kontra. Li toħloq il-konfini jonora l-verità u jagħmel ir-relazzjonijiet iktar sostenibbli. Kollha kemm aħna għandna riżorsi limitati, il-limitazzjonijiet tagħna huma dak li huma. Meta nikkomunikaw il-konfini tagħna, inkunu qed nammettu l-limitazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u nikkjarifikaw dak li nistgħu nipprovdu u dak li ma nistgħux; dak li aħna komdi naċċettaw u dak li m’aħniex. B’dan il-mod, il-persuna l-oħra tkun kompletament konxja minn x’tista’ tistenna u x’ma tistax, u hekk ikun hemm inqas spazju fejn wieħed ma jifhimx lill-ieħor jew li jkun hemm xi diżappunt.
Għalhekk, minkejja li tista’ tidher kontradittorja, meta tipprova togħġob lill-oħrajn tkun qed tinstiga nuqqas ta’ konnessjoni eventwalment, mentri meta toħloq konfini ċari tkun qed tgħin biex ikun hemm konnessjoni aħjar hekk kif il-karti jkunu kollha mpoġġija fuq il-mejda. Huwa interessanti li fl-erba’ lingwi li naf jien, hemm proverbju li jikkomunika l-importanza li jinħolqu l-konfini:
- Il-ħbieb sal-bieb
- Good fences make good neighbours – Ċnut tajbin irendu ġirien tajba
- Aimez votre voisin mais n’abattez pas la haie – Ħobb lill-ġar imma tqaċċatx is-sies
- Patti chiari amicizia lunga – regoli ċari jiffaċilitaw ħbiberiji fit-tul
Kif it-terapija tista’ tgħinek toħloq konfini li jagħmlulek il-ġid
- Kuxjenza – permezz tat-terapija tkun tista’ tifhem aħjar il-benefiċċji ta’ meta toħloq il-konfini. Hekk kif il-professjonist jifhem aħjar it-taqbida tiegħek mal-konfini fil-ħajja ta’ kuljum, ikun jista’ jkellmek aħjar dwar kif toħloq il-konfini f’termini iktar speċifiċi, skont kif japplikaw għas-sitwazzjoni tiegħek, waqt li jfakkrek fir-riskji u l-benefiċċji ta’ meta tipprova togħġob lin-nies u meta toħloq il-konfini.
- Logħob bl-irwoli – mat-terapista, tista’ timmaġina sitwazzjonijiet u tilgħab bl-irwoli b’tali mod li jkollok tilbes il-kappell ta’ persuna li toħloq il-konfini. Meta tiġi biex toħloq il-konfini, il-prattika hija kruċjali. Għalhekk ir-relazzjoni terapewtika tipprovdi spazju sikur fejn inti tkun tista’ tirfina l-abbiltajiet tiegħek biex tikkomunika meta tiġi biex toħloq il-konfini. Waqt ir-role plays, it-terapist jista’ jisfida l-irwol tiegħek bħala dak li toħloq il-konfini b’tali mod li jkollok tkun iktar assertiv.
- Ir-relazzjoni terapewtika bħala eżempju – ir-relazzjoni terapewtika fiha nfisha hija eżempju ċar ta’ relazzjoni fejn hemm konfini ċari, fejn kemm it-terapista u l-klijent ikunu jafu eżattament dak li għandhom dritt għalih u dak li ma jistgħux jistennew minn xulxin. Permezz tal-mod li bih il-persuna professjonali tikkomunika dak li hu aċċettabbli u dak li mhuwiex, il-klijent ikun jista’ jitgħallem bl-osservazzjoni li l-ħolqien ta’ konfini jista’ jeżisti b’mod simultanju ma’ livell għoli ta’ għożża, fehim u sensittività.
- Tiffaċilita l-aċċettazzjoni tiegħek innifsek – biex ħaddieħor jaċċetta l-konfini tiegħek, għandek bżonn tħaddanhom b’mod komdu inti l-ewwel. Meta bniedem ma jkunx konvint u komdu b’dak li qed jistaqsi għalih, hemm probabbiltà kbira li l-oħrajn ma jirrispettawx dawk il-bżonnijiet. It-terapija tipprovdi sors rikk ta’ inkoraġġiment, fejn jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet adattati sabiex il-klijent ikun jista’ jaċċetta lilu nnifsu aħjar.
- Tindirizza kunċetti żbaljati u ta’ ħsara – li jmiss hija lista ta’ kunċetti żbaljati maġenb dak li huwa vera:
Kunċett Żbaljat | Realtà |
Wieħed għandu jipprovdi raġuni elaborata għalxiex ikun qiegħed joħloq konfini partikolari | Meta tikkomunika l-konfini b’mod apoloġetiku, billi tuża espressjonijiet kwalifikanti u ġustifikazzjonijiet, il-bżonn tiegħek jiġi mxejjen u l-messaġġ tiegħek iktar hemm ċans li jiġi interpretatat ħażin, u allura tonqos il-probabbiltà li jiġi rrispettat. |
Il-komfort li jiġi meta tintogħġob jgħinek tħossok aħjar | Meta tintogħġob, huwa vera li tista’ tħossok aħjar. Però li tfittex li togħġob lil ħaddieħor il-ħin kollu huwa relatat ma’ bżonnijiet personali li ma jiġux moqdija, li tissopprimi lilek innifsek, rabja akkumulata, sens ta’ ħtija, riżentiment u s-sens ta’ helplessness. Emozzjonijiet bħal dawn huma l-oppost ta’ meta tħossok verament tajjeb. |
Mhux kulħadd jaf joħloq il-konfini | Li toħloq il-konfini jinvolvi li teżamina l-bżonnijiet tiegħek spiss u li ssib modi ta’ kif tikkomunikahom b’mod rispettuż u assertiv. Li tkun konxju ta’ x’qed tħoss, li taċċetta lilek innifsek u li tirfina l-komunikazzjoni tiegħek huma prattiċi u ħiliet li kulħadd jista’ jitgħallem, jikkultiva u jipperfezzjona. |
Anke meta wieħed jakkomoda lil ħaddieħor fuq qalbu, wieħed ikun f’ċans aħjar li jappartjeni għal kull grupp li jersaq lejh | Bħalma tfakkarna Brené Brown, hemm differenza kbira bejn li tkun tappartjeni xi mkien u li sempliċiment tiffittja f’dak il-kuntest. Fitting in jinvolvi li inti titgħawweġ biex togħġob lil ħaddieħor, mentri l-appartenenza vera tiġi akkwistata meta ħaddieħor jaċċettak kif int, fl-iktar verżjoni awtentika u imperfetta tiegħek. Li ħaddieħor jaċċetta verżjoni falza ta’ min int fil-verità, m’għandha x’taqsam xejn ma’ appartenenza ta’ vera. |
Biex nikkonkludi, l-ikbar rigal li nistgħu nagħtu lid-dinja huwa lilna nfusna fl-awtentiċità u l-evolviment kontinwu tagħna. Sabiex nagħmlu dan, irridu nikkonsultaw magħna nfusna ta’ spiss, biex naraw x’għandna bżonn, u għandna nkunu komdi li nikkomunikaw il-konfini tagħna lill-oħrajn. Dawk li ma jogħġobhomx min aħna u li mhumiex komdi bil-konfini li noħolqu, mhumiex dawk li għandna naspiraw li nagħmluha magħhom. Min-naħa l-oħra, dawk li jirrispettaw il-konfini tagħna u japprezzaw il-valur uniku li nġibu magħna, huma dawk li tassew nappartjenu għalihom.
Fl-aħħar nett, li tipprova togħġob lin-nies mhijiex identità imma aġir li tgħallimt u li allura tista’ treġġa’ lura. It-terapija tipprovdi spazju sigur fejn inti tista tifhem aħjar ir-riskji ta’ meta tipprova tintogħġob u l-benefiċċji ta’ meta toħloq konfini sani. Huwa wkoll post fejn inti tista’ tipprattika l-ħolqien ta’ konfini b’mod san sabiex tasal tħaddan min vera int u tirregala lil ħaddieħor b’min int, imperfett imma awtentiku, rigal li huwa uniku għalik u li ta’ min taqsmu mad-dinja.
Referenzi
Howes, L. (2021, January 10) Brene Brown on FITTING vs BELONGING! #Shorts. YouTube. https://www.youtube.com/watch?v=CgCRsfNNNyQ
Sallam, F (2021, September 23) Creating boundaries — from a people-pleaser’s perspective.The Parachute Media. https://www.theparachutemedia.com/identity/creating-boundaries-from-a-people-pleasers-perspective
This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS)
This publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein.