Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)
Meta nitkellmu dwar ‘connection’ illum il-ġurnata, moħħna jmur f’dik virtwali. L-era diġitali li ngħixu fiha pprovdietna bil-komfort ta’ messaġġi istantanji, fejn l-emozzjonijiet veri tagħna jistgħu jiġu ffabbrikati mill-ġdid bl-użu ta’ emoticons u gifs; fejn nistgħu naqsmu dak il-ħin stess vidjos ta’ avvenimenti li nkunu qed nieħdu sehem fihom. Illum il-ġurnata m’għadx għandna bżonn inċemplu lill-preżentatur tar-radju biex idoqqilna d-diska favorita tagħna; il-YouTube jista’ jiġi aċċessat f’ħakka t’għajn. Lanqas m’għandna bżonn nieqfu nsaqsu għad-direzzjonijiet; Bil-Google Maps naslu fejn irridu.
Konnessi imma mhux daqstant
Dan is-sens ta’ iktar awtonomija nistgħu narawh bħala sinjal ta’ progress u iżjed effiċjenza. Imma huwa wkoll minnu li din l-awtonomija qed iċċaħħadna mis-sbuħija ta’ meta verament ninteraġixxu mal-oħrajn. Li nitbissmu lil persuna kwalunkwe fit-triq hija ħafna iktar ta’ sinifikat milli kieku kellna ngħaddu minn quddiem xulxin waqt li rasna tkun mgħaddsa fil-mobile. Li tirċievi messaġġ qasir ta’ inkoraġġiment fuq il-mobile mhuwiex l-istess bħal meta tkun qiegħed fil-preżenza ta’ persuna oħra li tħares f’għajnejk, taqbadlek spalltek bil-mod u toffrilek inkoraġġiment spontanju u mill-qalb.
Ir-riċerka f’dan il-qasam tikkonferma l-qawwa ta’ interazzjonijiet sinifikattivi. Artiklu dwar il-konnessjonijiet umani jirreferi għall-“qawwa ta’ ħajja li tiġi maqsuma bejn il-bnedmin permezz ta’ mogħdijiet fiżiċi, intelletwali u emozzjonali” u għall-“enerġija u ħajja li kapaċi nagħtu lil xulxin.” Konnessjonijiet sinifikattivi huma wkoll relatati ma’ diversi riżultati mixtiqin, bħal “li tkun kapaċi tkampa aħjar ma’ ċirkustanzi negattivi u li tadatta aħjar għat-tranżizzjonijiet tal-ħajja, iktar kuraġġ fl-esperjenza tat-trobbija u sens ta’ benesseri iktar b’saħħtu.”
Min-naħa l-oħra l-iżolazzjoni hija assoċjata ma’ mard u nuqqas ta’ saħħa. Forsi wieħed jaħseb li r-riskji huma biss psikoloġiċi; però nafu li l-iżolazzjoni twassal għal riperkussjonijiet negattivi fuq min jesperjenzaha: inqas għomor, sistema immunitorja li ma tiffunzjonax sew, u nuqqas kbir ta’ reżiljenza lejn l-istress, fost l-oħrajn. Fl-2018, il-Brittanja sa appuntat ministru għall-iżolament – Tracy Crouch – sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ riperkussjonijiet fiżiċi u psikoloġiċi fuq iċ-ċittadini, u biex jipprevjenu l-potenzjal ta’ kriżi soċjali li possibilment timpatta anke l-ekonomija.
L-iżolament huwa reali
Iva, li tħossok waħdek huwa fenomenu attwali. Skont studju dwar il-prevalenza tas-solitudni f’Malta, li sar għall-ewwel darba fuq livell nazzjonali fl-2021, 43.5% tal-popolazzjoni Maltija tesperjenza xi forma ta’ solitudni. Il-pandemija ma għinitx lanqas, bit-Times of Malta tirrapporta, lura fl-2020, li “46% tal-Maltin huma inkwetati fuq is-saħħa mentali minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.”
Imma ’l hinn mill-pandemija, is-solitudni sirna qed jirreferu għaliha, lokalment, bħala l-“epidemija moderna” u tinħass ħafna iktar meta tkun imdawwar b’nies li anqas għandhom idea tal-uġigħ tiegħek. It-tiġijiet u l-Milied, pereżempju, it-tnejn ċelebrazzjonijiet ta’ mħabba u unjoni, jistgħu jkunu fihom infushom tfakkiriet b’saħħithom ta’ kemm tħossok waħdek u tal-vojt li hemm fik. Forsi inti single, iddivorzjat, armel, jew qed tesperjenza xi forma ta’ esklużjoni. Is-solitudni fit-tul mhix faċli, u tista’ anke tgħejjik emozzjonalment, u possibilment twasslek biex tħares lejn il-ħajja bħala logħba dipressiva u bla skop.
Is-solitudni hi tant reali li qegħdin naraw anke ‘preskrizzjonijiet soċjali’ fejn min iħossu waħdu qed jiġi preskritt attivitajiet bħall-“volontarjat, li jagħmel ħbieb ġodda, u sports f’tim” sabiex itejjeb il-qagħda tiegħu. Dawn l-attivitajiet huma magħrufa li jgħinu lill-bniedem iħoss iktar sens ta’ appartenenza. Hawn isfel issib erba’ azzjonijiet konkreti li tista’ żżid fir-rutina tiegħek sabiex ittaffi s-sens ta’ solitudni.
X’tista’ tagħmel biex tnaqqas is-solitudni
- Agħmel l-aħjar użu mill-interazzjonijiet li huma disponibbli bħalissa. Anke jekk iċ-ċirku ta’ ħbieb tiegħek huwa limitat ħafna, ipprova sib modi biex tqatta’ iktar ħin ta’ kwalità magħhom. Ngħidu aħna, li taqsmu emozzjonijiet u esperjenzi personali jista’ jkun ta’ iktar tifsira milli tiddiskutu ġrajjiet kurrenti. Ħu interess fil-persuna l-oħra waqt li tkunu qed tinteraġixxu; staqsi mistoqsijiet biex tifhimhom aħjar.
- Agħmel xi attività kreattiva jew li tagħtik gost. Li talloka ħin għal attivitajiet kreattivi jgħinek tintilef fil-kreazzjoni tiegħek, kemm jekk din hija tpinġija, tisjira, jew li tikkomponi biċċa mużika, inkella li tedha f’xi ħaġa li tagħtik gost. Il-fatt li qed toħloq xi ħaġa jgħinek tiffoka u jipprovdik b’sens ta’ twettiq hekk kif tara r-riżultat finali. Li tiddedika ħin għall-pjaċir u r-rikreazzjoni, anke jekk tkun sempliċiment mixja fin-natura, jista’ jgħinek. F’dawn il-mumenti tużax teknoloġija, u jekk tista’ oħroġ barra. Peress li tkun trid tilbes ħwejjeġ differenti, tkun qed tistieden bidla fl-istat ta’ moħħok, li jista’ jkompli jinbidel hekk kif tbiddel ukoll l-ambjent.
- Għin lil persuna oħra b’xi mod. Din tgħinek tħaddem il-ħiliet u l-abbiltajiet tiegħek biex tagħmel il-ġid, waqt li għal darba oħra tkun qed tiddevja l-fokus tiegħek mis-solitudni. Din tista’ anke ssaħħaħ ir-rabta mal-persuna li tkun qed tirċievi l-għajnuna mingħandek. Li tkun taf li qed tkun ta’ għajnuna għal persuna oħra, probabbli jħallilek emozzjoni pożittiva li taf ittaffi l-uġigħ tas-solitudni.
- Ikkonsidra li trabbi annimal. Jekk qatt ħsibt f’din l-idea, din hija raġuni oħra għalfejn għandek tagħmilha. Li tieħu ħsieb ta’ kumpann annimal huwa magħruf li jgħinek kemm mentalment u kemm fiżikament. Pereżempju, hekk kif tieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tal-pet tiegħek, jista’ jkun li tiftakar tieħu ħsieb fil-bżonnijiet tiegħek ukoll. Barra minn hekk, l-imħabba li jafu juru l-annimali taf tkebbislek qalbek u anke tagħmillek kuraġġ.
Kif it-Terapija tista’ tgħin
Filwaqt li nistgħu ngħinu lilna nfusna b’dawn l-azzjonijiet, meta niġu akkumpanjati minn professjonist nirċievu tip ta’ appoġġ differenti. Hawnhekk issib ftit modi ta’ kif it-terapija tista’ tgħinna f’fażijiet meta nħossuna waħedna:
- Kuxjenza. It-terapija tista’ tgħinek tirrikonoxxi l-emozzjonijiet partikolari li qed tħoss, u possibilment tgħinek issemmi eżatt x’emozzjonijiet huma preżenti fis-sens ta’ solitudni li qed tħoss. Jista’ anke jkun hemm esplorazzjoni tal-isfumaturi tas-solitudni tiegħek (eż. is-solitudni li tħoss f’tieġ vs is-solitudni ta’ meta tkun id-dar waħdek). U tistgħu anke tidħlu fl-istorja tiegħek u kif din tirrelata mas-solitudni li qed tħoss.
- Riformulazzjoni. Wara li tkun konxja ta’ x’qed tħoss bħalissa, forsi jkollok bżonn tirriformola din l-emozzjoni tqila. Pereżempju l-persuna li tkun qed takkumpanjak tista’ tfakkrek li l-ebda emozzjoni mhi għal dejjem, u hekk tgħinek tpoġġi l-affarijiet f’perspettiva. Tista’ wkoll tistiednek biex tħares lejn dan l-istat ta’ iżolament bħala opportunità biex tirrifletti dwarek innifsek, biex taħseb b’mod kreattiv u biex tagħmel skoperti ġodda. Ukoll, li ma jkollokx ħafna rbit soċjali tista’ tirriformolah bħala iktar disponibbiltà għal proġetti u avventuri ġodda.
- Li turi kompassjoni miegħek innifsek. Faċli taqa’ fin-nassa li tibda taħseb li għandek xi ħaġa ħażina jew li hemm bżonn titranġa. It-terapija tista’ tgħinek biex tibqa’ ma dak li hu, mingħajr sens ta’ tort jew ġudizzju, imma b’ħafna tenerezza, fehim u ġentilezza miegħek innifsek.
- Spazju sigur. Fit-terapija tista’ tibbenefika minn spazju sigur; dak li taqsam jibqa’ kunfidenzjali, sakemm ma jkunx ta’ ħsara għalik innifsek jew għall-oħrajn. Mal-persuna professjonali tista’ taqsam ir-rebħiet żgħar u anke l-fallimenti tul din il-mixja. It-terapija tista’ tgħinek tiftakar li l-progress jiġi b’passi żgħar, u għalhekk ta’ min jiċċelebra kull attentat ta’ suċċess flimkien, żgħir kemm hu żgħir. Tista’ anke tiġi offrut/a l-isfida biex tikkonsidra mill-ġdid ċertu affarijiet li temmen dwarek innifsek, dwar in-nies, id-dinja u r-relazzjonijiet, li jkunu qed jillimitawlek il-viżjoni tiegħek u jxekkluk milli tikber.
Referenzi
Buck, D., Ewbank, L. (2017, February, 02). What is Social Prescribing? Miksuba minn: https://www.kingsfund.org.uk/publications/social-prescribing
Calleja, C. (2020, April, 05). Hundreds of calls made to loneliness helpline. Times of Malta.
Clark M., Bonnici J., Azzopardi A. (2021). Loneliness in Malta: Findings from the first National Prevalence Study. Journal of Social and Personal Relationships. 38(9):2751-2771. doi: 10.1177/02654075211020120
Gov.uk (2018, October 15). PM launches Government’s first loneliness strategy. https://www.gov.uk/government/news/pm-launches-governments-first-loneliness-strategy
Landau, M. D. (2021, July, 08). 5 Things Mental Health Experts Do When They Feel Lonely. Everyday Health. https://www.everydayhealth.com/emotional-health/things-mental-health-experts-do-when-they-feel-lonely/
Raypole C., (n.d.) 12 Things to Do When You Feel Lonely. Miksuba minn: https://www.healthline.com/health/mental-health/how-to-not-feel-lonely
Sgroi, A., & Saltiel, I. (1998). Human Connections. New Directions for Adult and Continuing Education 1998(79), 87-92. DOI: 10.1002/ace.7909
This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS)
This publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein.