Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)
Waqt li nfakkru Jum il-Mejtin kollha tul ix-xahar ta’ Novembru, dan l-artiklu jitratta s-suġġett ta’ sogħba (bl-Ingliż grief) li, kif ser naraw, tista’ tkun ukoll rispons għal forom ta’ telfiet oħra li ma jinkludux biss il-mewt fiżika ta’ persuna għal qalbna.
Definizzjoni ta’ Sogħba u Tipi ta’ Telfiet
L-American Psychological Association tiddefinixxi l-kelma grief, jew sogħba, bħala “the anguish experienced after a significant loss, usually the death of a beloved person” (in-niket li jiġi esperjenzat wara telfa sinifikattiva, ġeneralment il-mewta ta’ persuna għal qalbna). Jeżistu, però, forom oħra ta’ telfiet li persuna tista’ ġġarrab, bħat-telf ta’ impjieg, it-telfa ta’ ħolm u aspirazzjonijiet, it-telfa ta’ relazzjoni jew ħbiberija, it-telfa ta’ pet, ta’ xi maħbub/a, it-telf ta’ sigurtà, fidi, saħħa jew anke t-telfa ta’ tifsira fil-ħajja.
Nesponu l-Miti
Dawn li ġejjin huma tmien miti u ħdejn kull waħda qed nipprovdu x’tgħid ir-realtà
Modi differenti ta’ kif wieħed jirreaġixxi
Quddiem telfa, il-mod ta’ kif wieħed jirreaġixxi ivarja minn persuna għall-oħra. Il-fenomenu ta’ telf jista’ jħalli impatt tant kbir li r-rispons jista’ jkollu diversi differenti, u jimmanifesta f’forom varji f’sitwazzjonijiet differenti. Ukoll, is-sogħba tista’ tkun fuq naħa l-waħda mgħottija jew esperjenzata sottilment, inkella tista’ tinħass fil-forma l-iktar potenti tagħha.
Fost l-emozzjonijiet differenti assoċjati mas-sogħba, nistgħu nsemmu: niket, xokk, ċaħda, nuqqas ta’ emozzjoni, rabja, rimors, u sens ta’ ħtija. L-ebda emozzjoni mhi tajba jew ħażina, sempliċiment hi.
Bħala aġir, it-telfa tista’ twassal lill-persuna biex jintroduċi jew inaqqas ċertu attivitajiet. Pereżempju, persuna tista’ tibda tirtira minn attivitajiet soċjali, tista’ tibda tabbuża mis-sustanzi jew tweġġa’ lilha nfisha biex tkampa mas-sens ta’ vojt li tkun qed iġarrab.
Persuna li tkun ġarrbet telfa tista’ wkoll tiġi affettwata fiżikament, hekk kif pereżempju tiddgħajfilha s-sistema immunitarja, inkella titlef jew iżżid fil-piż, tinbidlilha r-rutina tal-irqad, tħoss ċertu uġigħ f’ġisimha, u affarijiet hekk.
Spiritwalment, persuna wkoll tista’ tesperjenza bidla, hekk kif ikollha ħolm rikorrenti dwar il-persuna nieqsa, waqt li tħoss il-preżenza ta’ dik il-persuna jew anke tisma’ l-vuċi tagħha. Hija komuni li persuni li jkunu ġarrbu telfa jkunu qed ifittxu iktar tifsira u skop f’ħajjithom waqt li jerġgħu jevalwaw il-fidi reliġjuża tagħhom jew il-valuri spiritwali li jkunu jħaddnu.
Post-traumatic growth
Li tesperjenza telfa tista’ tkun trawmatika, imma dak ma jfissirx li minn ikun fi process ta’ sogħba ma jistax jadatta tajjeb għall-bidla. Hemm persuni li jirnexxilhom ikampaw u jimxu ’l quddiem mingħajr il-persuna jew oġġett li jkunu ġew nieqsa, u minflok jadottaw sens ġdid ta’ tifsira u skop fil-ħajja waqt li jħarsu lejn is-sitwazzjoni minn lenti ġdida. F’każijiet bħal dawn, skont Tedeschi u Calhoun (2004), il-persuna tkun qed tesperjenza post-traumatic growth, jiġifieri bidla pożittiva li tkun ġejja mill-ġlieda nfisha kontra avveniment li jkun ikkawżalhom stress.
Kif it-terapija tista’ tgħin lil min ikun ġarrab telfa
It-terapija taf toħloq il-kundizzjonijiet adattati biex min ikun qed jesperjeza sogħba, jipproċessa s-sens ta’ telfa.
Il-professjonist ma jistax jisforza lill-persuna biex tipproċessa t-telfa. Imma jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet adattati sabiex il-persuna li tkun qed iġġarrab it-telfa tkun tista’:
- tħossha sigura hi u taqsam l-istat emozzjonali tagħha
- ma tiġġudika l-ebda emozzjoni li t-telfa tkun qed tikkawża fiha
- tħossha appoġġjata u li xi ħadd jimpurtah minnha
- tiffoka fuq l-affarijiet u l-persuni li għadhom preżenti, minflok fuq dawk li tilfet
- tesplora attivitajiet li jipprovdulha tifsira, tgawdija u sens ta’ skop
- tindirizza dan l-avveniment kbir billi tkissru fi sfidi żgħar li tista’ taffaċċjahom u tgħix aħjar bihom
- tiftakar fl-importanza li tibqa’ f’kuntatt ma’ persuni li jafu jappoġġjawha
- tiftakar fl-importanza li tiddedika ħin għaliha nfisha biex tipproċessa l-ħsus ta’ ġo fiha waqt li tibqa’ saqajha mal-art u twettaq ix-xogħol ta’ kuljum u tieħu ħsieb tal-benesseri fiżiku tagħha.
Kif inti tista’ tappoġġja lil min ikun qed jesperjenza sogħba
- Ersaq lejn il-persuna biex tara kif inhi jew stieden lill-persuna għal ftit ħin ta’ kwalità flimkien
- Kun disponibbli, oqgħod attent u isma’ anke dak li ma jkunx qed jintqal.
- Offri għajnuna prattika, bħal li tieħu ħsieb it-tfal jew li tmur tagħmlilha xi qadja, eċċ
- Kun preżenti anke fit-tul – l-anniversarji u l-jum meta l-mejjet jagħlaq sninu jistgħu jkunu ġranet diffiċli għal min ikun qed jesperjenza sogħba.
- Meta tkun qed tisma’ lil xi ħadd li jkun ġarrab telfa, evita l-klixe, evita li tagħti pariri jew li tinterpreta l-ġrajjiet. Li toffri spalla u ħarsa ta’ empatija jistgħu jkunu dak kollu li l-persuna jkollha bżonn.
Referenzi
Tedeschi, R. and Calhoun, L. (2004). Posttraumatic Growth: Conceptual foundations and
empirical evidence. Psychological Inquiry, 1-18. doi: https://doi.org/10.1207/s15327965pli1501_01
American Psychological Association. Grief. https://www.apa.org/topics/grief
Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz taI-Voluntary Organisations Project Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru Ghall-Inkluzjoni, Il-Volontarjat u d-Drittijiet Tal-Konsumatur. Din il-pubblikazzjoni/Dan il-proġettt/jirrifletti biss il-veduti u l-ħsibijiet tal-pubblikaturi/awturi, u l- l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ma jistax jinżamm responsabbli għall-kontenut jew għall-użu li jista jsir minn dan l-istess kontenut.