You are currently viewing Nieħdu ħsieb is-Saħħa Fiżika għal Saħħa Mentali iktar b’Saħħitha

Nieħdu ħsieb is-Saħħa Fiżika għal Saħħa Mentali iktar b’Saħħitha

Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)

F’Ottubru ċċelebrajna l-ġurnata dinjija tas-saħħa mentali. Is-saħħa mentali hija terminu wiesa’ li jinkorpora l-benesseri emozzjonali, psikoloġiku u soċjali. Il-mod ta’ kif naħsbu, inħossuna u anke kif naġixxu, jiddependi ħafna minn kemm aħna b’saħħitna mentalment. Il-benesseri mentali tagħna jaffettwa wkoll il-mod ta’ kif nagħmlu d-deċiżjonijiet, kif nirrelataw mal-oħrajn u kemm aħna kapaċi nkampaw mal-istress tal-ħajja, fost ħafna affarijiet oħra. Fil-fatt, is-saħħa mentali hija iktar minn sempliċiment nuqqas ta’ mard mentali; persuna li hija b’saħħitha mentalment, tgawdi benesseri tajjeb fuq livell ġenerali u anke kwalità tajba ta’ ħajja.

Fuq kollox, is-saħħa mentali hija dritt uman bażiku li huwa ċentrali fl-iżvilupp personali, komunitarju u soċjo-ekonomiku. Fl-istess ħin, li nieħdu ħsieb tal-benesseri mentali tagħna huwa responsabbiltà tagħna. Waqt li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja mhux dejjem ikunu fil-kontroll tagħna, hemm diversi riżorsi interni li nistgħu naċċessaw sabiex inkunu reżiljenti għal dak li l-ħajja toffrielna. Dan l-artiklu jiffoka fuq kif l-attività fiżika u modi oħra ta’ kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna fiżikament, jista’ jgħin is-saħħa mentali tagħna.

B’liema mod tista’ l-attività fiżika tgħin is-saħħa mentali tiegħi?

Il-benefiċċju huma bosta; hawn taħt insemmu ftit minnhom:

•             L-eżerċizzju fiżiku jikkrea kimiċi li jistgħu jtejbulek il-burdata (eż. endorphins u serotonin);

•             Jista’ wkoll inaqqas l-istress u jtaffi sintomi ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali;

•             Meta teżerċita fuq barra, hemm mnejn tħossok iżolat inqas;

•             Hemm ċans kbir li jitjieblek l-irqad, li jiffaċilita sens ta’ benesseri mentali iktar b’saħħtu;

•             L-eżerċizzju jwassal iktar demm ġol-moħħ, li jgħinek taħseb b’mod iktar ċar;

•             Ikabbar il-hippocampus, il-parti tal-moħħ li tieħu ħsieb il-memorja;

•             Iżżid ukoll il-konnessjoni bejn in-nerve cells ġewwa l-moħħ. Dan itejjeb il-memorja u jgħin biex jipproteġi l-moħħ kontra ħsara u mard.

Punti dwar l-attività fiżika:

•             L-eżerċizzju fiżiku għandu dejjem ikun jaqbel mal-ġisem u l-abbilitajiet fiżiċi tiegħek;

•             Filwaqt li soltu nassoċjaw l-eżerċizzju fiżiku ma xi forma ta’ sport, hemm modi oħra ta’ kif iżżid l-attività fiżika fir-rutina tiegħek ta’ kuljum (eż. tipparkja ftit ’il bogħod mid-destinazzjoni tiegħek, toħroġ lill-kelb għall-mixja, tieħu ħsieb il-ġnien, taħsel il-karozza b’idejk; tgawdi rikba fuq ir-rota, eċċ);

•             Uża l-mużika sabiex tagħmel l-attività fiżika tiegħek pjaċevoli! Mużika motivazzjonali tista’ tiffaċilita l-eżerċizzju u ttejjeb il-kwalità tiegħu;

•             Tħallix l-eżerċizzju jiġi monotonu; għalhekk ipprova attivitajiet ġodda. Uża dan il-parir anke biex tisfida lilek innifsek u turi lilek innifsek x’int kapaċi tagħmel;

•             Li tipprattika l-isports ma’ persuna oħra jew li tattendi klassijiet tal-eżerċizzju jista’ jkollu benefiċċju miżjud fuq is-saħħa mentali tiegħek. Minbarra li tippompja d-demm ġo moħħok, tkun qed tippompja l-ħajja ġo ruħek hekk kif tħoss sens ta’ konnessjoni u apparteniment.

Forom fiżiċi oħra ta’ kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek li jgħin is-saħħa mentali:

•             Sabiex ittejjeb il-kwalità tal-irqad, qatta’ tal-inqas l-aħħar siegħa qabel torqod ’il bogħod minn apparat li jitfa’ dawl blu. Raqda tajba hija ċ-ċavetta għal iktar motivazzjoni u burdata rregolata;

•             Qatta’ ħin fin-natura. Is-sens ta’ abbundanza li tikkomunika n-natura jista’ jtik sens ta’ sigurtà u jimliek bil-ħajja;

•             Il-benefiċċji tal-yoga huma veri. Hemm tipi differenti li tista’ tipprova, skont x’qiegħed tfittex. Hu x’inhu l-istil li japplika għalik l-iktar, il-yoga huwa fl-aħħar mill-aħħar mod eċċellenti biex tattiva ġismek waqt li tikkalma moħħok;

•             Il-meditazzjoni toffri diversi benefiċċji. Apparti li tiżgura saħħa kardjovaskulari, fejqan iktar faċli u regolazzjoni tal-enerġija, hija żżidlek il-fokus, tgħin fir-regolazzjoni tal-burdata u tipprovdi sens ta’ kalma;

•             Il-benefiċċji ta’ dieta bilanċjata għas-saħħa ma jistgħux jiġu enfasizzati biżżejjed. Huwa kruċjali li taċċerta li qed titma’ lil ġismek is-sustanzi, vitamini u minerali li jeħtieġ. Dieta bilanċjata tgħin anke lil moħħok u l-benesseri tiegħek in ġenerali;

•             Ipprattika li tieħu n-nifs b’mod konxju u b’attenzjoni. Li tikkalma u tirregola n-nifs iħalli benefiċċji kbar fuq is-saħħa u anke jgħin biex jiċċara l-moħħ u jonqsu l-livelli ta’ stress.

L-importanza tal-mistrieħ biex nirkurpraw, u viżti għand it-tabib

Li noħolqu post għall-mistrieħ biex nirkupraw huwa kruċjali. Jekk ma toħloqx spazju għal dan, il-ġisem joħolqu hu billi jimrad. Bħalma l-eżerċizzju fiżiku huwa importanti, li nserrħu ġisimna huwa daqstant importanti.

Li tistreċċja ġismek, tmur għall-massaġġi jew heat therapy huma kollha modi ta’ kif tieħu ħsieb l-uniku ġisem li għandek.

Agħmel viżti regolari għand it-tabib. Il-burdata u s-saħħa mentali jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv jekk inti tkun nieqes mill-vitamini u nutrijenti. Test tad-demm jgħinek tivverifika jekk għandekx kollox kif suppost.

Kif it-terapija tista’ tgħin

Għalkemm counsellor mhuwiex il-professjonist prinċipali li għandek tmur għandu biex tiċċara affarijiet relatati ma’ benesseri fiżiku, aħna nafu li aspetti differenti tal-benesseri tiegħek jaffettwaw is-saħħa mentali. Għalhekk it-terapija tista’ tgħin fuq dan il-livell ukoll b’dawn il-modi:

•       Tgħinek tipprattika self-compassion meta ssibha diffiċli taħdem għall-miri tiegħek relatati mas-saħħa fiżika.

•       Tagħtik spazju biex tesplora l-iktar bżonnijiet importanti relatati mal-benesseri u mbagħad takkumpanjak biex tipprovdi lilek innifsek b’dak li l-iktar għandek bżonn.

•       Aspetti mill cognitive-behaviour therapy jistgħu jiġu integrati fl-approwċ tal-counsellor biex tfornik bl-għodod adattati sabiex takkwista kwalunkwe għan li qed timmira għalih.

•       Gwida lejn miri SMART

•       Tistgħu tesploraw temi bħal l-istima lejk innifsek u kemm tħossok li tiswa, il-kunfidenza fik innifsek, il-kontroll fuqek innifsek, kif tipperċepixxi ġismek, l-assertività, kif ukoll normi soċjo-kulturali tossiċi u sterjotipi oħrajn.

Għalkemm il-ħajja għandha ħabta titfa’ ħafna responsabbiltajiet fuqna, li nieħdu ħsieb tal-benesseri ġenerali tagħna għandha tkun l-aqwa prijorità. Mingħajrha huwa impossibbli li naqdu r-responsabbiltajiet tagħna sew. Bl-istess mod li ma nistgħux ma niklux, ma nixorbux jew ma nużawx il-kamra l-baxxa sempliċiment għax għandna ħafna x’nagħmlu, li noħolqu spazju għall-eżerċizzju, kura fiżika tagħna nfusna, mistrieħ u viżti regolari għand it-tabib, għandu jingħata prijorità fuq l-aġenda tagħna.

Ma tistax tferra’ minn tazza vojta, jgħidu. Ġismek huwa l-unika tazza li għandek biex taqsam dak li għandek ġewwa mal-oħrajn. Tistenniex sakemm it-tazza tiżvojta, iċċaqċaq jew tinkiser kompletament qabel ma tagħti lilek innifsek dak li verament teħtieġ.

Referenzi

https://www.mind.org.uk/information-support/types-of-mental-health-problems/mental-health-problems-introduction/self-care/

https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/mental-health-strengthening-our-response

https://www.nimh.nih.gov/health/topics/caring-for-your-mental-health

This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS) supported by the Ministry for Inclusion, Voluntary Organisations and Consumer Rights (MIVC).  This project/publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein.