You are currently viewing Meta għamilt paċi mar-realizzazzjoni li s-sewqan fit-toroq ta’ Malta mhuwiex għalija

Meta għamilt paċi mar-realizzazzjoni li s-sewqan fit-toroq ta’ Malta mhuwiex għalija

On making peace with the realisation that driving
on the Maltese roads is not for me

Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)

Qed nikteb dan biex nikkomunika li daqskemm kien kruċjali għalija li nagħmel paċi mar-realizzazzjoni li s-sewqan fit-toroq Maltin mhuwiex għalija, daqstant ieħor huwa kruċjali li wieħed jagħmel paċi ma’ dawk il-biċċiet f’ħajtu li ma jikkonformawx man-normi aċċettati. L-aċċettazzjoni tar-realtà tiegħek ta’ bħalissa tista’ verament tipprovdi sens ta’ libertà, speċjalment meta ma tipprovax toħnoqha, taħbiha jew tirranġaha biex japprovaha ħaddieħor.

Qatt ma kont motivata biex nibda nsuq karozza…

Dejjem għixt f’lokalità ċentrali, kemm meta kont ngħix mal-ġenituri u anke meta bdejt noqgħod waħdi. Imma qatt ma kont totalment fil-paċi mal-fatt li ma nsuqx. Ma ngħoddx kemm-il darba jsaqsuni “eh, int tuża t-trasport pubbliku; mela ma ssuqx?”, mistoqsija li spiss tiġi segwita b’ diskors inkoraġġanti dwar kemm wieħed iħossu indipendenti meta jibda jsuq…u l-paniġierku kollu li min “suppost isuq” probabbli semgħu iktar milli qatt xtaq.

Imma mbagħad tħajjart insuq…

Il-fatt li l-maħbub tiegħi kien spiss iwassalni ’l hemm u ’l hawn mingħajr ma jilmenta xejn, indirettament inkoraġġieni biex nibda nsuq. Għalhekk bdejt il-lezzjonijiet tal-karozza ma’ driving instructor li hija eroj fuq diversi binarji, speċjalment għax għinitni nelimina d-dubju jekk iniex kapaċi nimmanuvra karozza.

Sakemm irrealizzajt li ma xtaqtx insuq fit-toroq ta’ Malta…

Waqt li bdejt insuq fit-toroq Maltin, il-mod ta’ kif isuqu s-sewwieqa Maltin beda jkun iktar milli flaħt nissaporti, u bdejt nisħet is-siegħa u l-mument li ddeċidejt li nibda nsuq. Imma din mhux kulħadd jaffaċċjaha, nistħajlek tistaqsi, din li trid tinnaviga triqtek fit-toroq traffikużi ta’ Malta?

Sempliċiment għax tagħmel sens għall-maġġoranza, m’intix obbligat tagħmilha

Irrealizzajt li l-fatt li ta’ madwari jaċċettaw li jsuqu fit-toroq Maltin, bit-tajjeb u l-ħażin, ma jfissirx li awtomatikament għandi naċċetta l-istess ħaġa f’ħajti.

Bħalma jien tajt permess lili nnifsi biex ma nsegwix dak li tagħmel il-maġġoranza, int ukoll tista’ tkun qed ‘toffendi’ lil ħaddieħor b’xi ħaġa li tagħmel jew li ma tagħmilx, inkella b’xi ħaġa li int jew m’intix.

Jista’ jkun qed issibha diffiċli biex tavvanza fl-istudji tiegħek;

forsi ma tistax tikkultiva fidi f’xi reliġjon partikolari;

forsi għadek ma sibtx il-maħbub/a ta’ ħajtek;

inkella forsi ma tistax tibqa’ taċċetta xi ħaġa li kont ilek tissaporti għal żmien twil…

Imma xi ħadd qal li l-unika triq għas-suċċess fil-karriera hija neċessarjment relatata mal-istudju?
Għalfejn għandu wieħed jaffilja ruħu ma’ reliġjon partikolari jekk ma tagħmilx sens għalih li jagħmel dan?
Hemm xi età standard ta’ meta trid tkun sibt il-maħbub/a ta’ ħajtek?
Għalfejn għandu wieħed jibqa’ jaċċetta xi ħaġa, sempliċiment għax ikun ilu jittolleraha għal tant fit-tul?

Meta tiddeċiedi liberament li ma tikkonformax mal-aspettattivi soċjali, tkun fi triqtek lejn suċċess ta’ veru

Ħafna drabi jiġri li nħossu pressjoni biex naġixxu b’modi aċċettati u nsegwu triqat li mhux veru rridu nsegwu. Ir-rotta l-iktar faċli li naqbdu hija dik li tikkonforma mal-aspettattivi soċjali. L-approvazzjoni u l-ammirazzjoni li bihom tippremjak is-soċjetà, jistgħu jkunu nassa attraenti li faċli taqa’ fiha.

Imma li tqum filgħodu biex tagħmel xi ħaġa li qed jiddettalek ħaddieħor, żgur li mhijiex il-mod ta’ kif tixtieq tgħix din l-unika ħajja prezzjuża li għandek, mhux hekk? Veru, li tiddevja minn dak li jgħidulek, titlob livell ta’ konnessjoni max-xewqat tiegħek u anke sens ta’ determinazzjoni u impenn, li ma jiġux faċli; trid tikkultivahom kuljum. Però tippreferi tgħix ħajja faċli u bla sodisfazzjon, minn ħajja li tinvolvi xogħol iebes u sodisfazzjon? Ngħid għalija, nippreferi nkun qed naħdem iebes għal xi ħaġa li verament nixtieq, milli nkun qed naċċetta bi sforz xi ħaġa li ġiet imposta fuqi.

Temminx l-iskużi tiegħek, għax dejjem għandek għażla, u qatt mhu tard wisq.

“Ma jimpurtax jekk ħaddieħor hux diġà qed jagħmilha jew jekk ħadd mhu jagħmilha. L-unika mistoqsija li tgħodd hija jekk dik il-ħaġa tagħmlekx verament kuntent/a.”

Mark Lynch

Meta tħaddan veritajiet  qarsa dwarek innifsek, ħafna drabi dawn iservu ta’ gwida

Meta aċċettajt ir-realtà tiegħi ta’ bħalissa rigward is-sewqan, ġejt f’kuntatt mal-limitazzjonijiet tiegħi, imma din l-aċċettazzjoni fetħitni wkoll għal modi oħra ta’ kif persuni oħra jistgħu ma jkunux qed jikkonformaw ma’ dak li tgħid is-soċjetà u kif dan jista’ jikkawża sens ta’ wġigħ u rifjut.

Ħafna drabi tiġrili din; meta nħaddan u nagħti attenzjoni bil-ħlewwa lil xi ħaġa li ma togħġobnix fija nnifsi, din tittrasforma minn xi ħaġa li ma taħdimx sew għal forza ta’ gwida. F’dan il-każ, ir-rigal li rċevejt kien li fakkart lili nnifsi li jien ok kif jien, bil-qawwiet u d-dgħufijiet tiegħi. Din l-enerġija anke wasslitni biex nesprimiha f’kitba, biex forsi nistiednek taċċetta, tħaddan u tkun dak kollu li int, bid-difetti b’kollox. 

Inżid ngħid li dawk l-aspetti li l-iktar iqanqlulek imbarazzament, huma proprju dawk  l-aspetti li l-iktar qed jixxenqu għall-attenzjoni, il-kompassjoni u l-kura tiegħek. Meta tieħu ħsieb sew dawn l-aspetti, dawn jistgħu jkunu l-punti li minnhom inti tikber u toqrob lejn verżjoni iktar sħiħa u awtentika tiegħek innifsek.

Il-Counselling jista’ jgħin ħafna

Xi drabi forsi jkollok bżonn għajnuna professjonali biex tkun tista’ toqgħod ftit ma’ dawk l-aspetti li jqanqlu imbarazzament. Ngħid għalija, kelli bżonn dik il-ħarsa pożittiva u bla kundizzjoni li l-counsellor tiegħi offrietli b’mod konsistenti sabiex stajt nagħmel ħbieb ma’ ċertu realtajiet. L-approwċ tagħha u l-ideat li qasmet miegħi dejjem servew ta’ balzmu għall-emozzjonijiet negattivi li kelli lejn punti speċifiċi fil-vjaġġ tiegħi.  

Mhux dejjem tkun tista’ tagħmilha waħdek. Huwa tajjeb u normali li tistaqsi għall-għajnuna, u għall-grazzja t’Alla, l-għajnuna professjonali qiegħda hemm barra tistenniena! Tkun tassew ħasra jekk ma tibbenefikax minn din ir-riżorsa li tista’ tgħinek tagħder iktar lilek innfisek u tbiddel dawk l-ideat li jillimitawk fin-narrattiva tal-istorja tiegħek. Ladarba tifformola narrattiva dwarek innifsek li hija iktar realistika u ħelwa, tkun tista’ toqgħod miegħek innifsek b’aktar kumdità, li mbagħad tħallilek lok għal konnessjoni max-xewqat veri tiegħek.

U finalment, ikun totalment f’idejk biex tiddeċiedi jekk tridx tibqa’ timxi ma’ dak li ġie impost fuqek, inkella jekk tridx issegwi dak li vera hemm miżrugħ f’qalbek, waqt li tilbes il-kappell li dejjem kien jappartjeni lilek…il-kappell tal-pilota… Jalla dejjem tkun il-pilota tal-ħajja unika u tant prezzjuża li għandek.


Referenzi

Lynch, M (2022, Marzu, 16). Why You Should Follow Your Heart (And Signs You Aren’t Doing So). Lifehack. https://www.lifehack.org/887332/follow-your-heart

 
This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS)
This publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein.