You are currently viewing Kif tista’ tikkontrolla l-Ansjetà dwar il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina
Flag of Russia and Ukraine painted on a concrete wall. Relationship between Ukraine and Russia

Kif tista’ tikkontrolla l-Ansjetà dwar il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina

Ċaħda/Disclaimer: Waqt li dan l-artiklu jiffoka fuq il-benesseri tagħna aħna u nsegwu
din il-gwerra, ma ninsewx is-sofferenza ta’ dawk li qed jiġu affettwati direttament
minn dan il-kunflitt, ċioè, l-Ukraini u anke dawk ir-Russi li huma kontra din l-invażjoni.

Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)

Dak li qed jiġri bħalissa ġewwa l-Ukraina qed jixxandar fuq kull pjattaforma tal-aħbarijiet aċċessibbli għalina, tant li qed niġu bbumbardjati b’xeni ta’ qtil, ċittadini feruti u ġenituri jibku t-telfa ta’ wliedhom immassakrati quddiemhom. Għalhekk huwa normali ħafna li wieħed iħossu anzjuż jew beżgħan, bla saħħa biex jgħin lilu nnifsu u mingħajr tama. Għaliex, hekk kif ħsibna li l-pandemija kienet l-agħar ħaġa li qatt stajna nesperjenzaw, issa qed jitteħdilna saħansitra l-aħħar ftit sens ta’ kontroll li kien fadlilna minħabba l-pandemija.

Imma tajjeb nirrikonoxxu li xorta waħda nistgħu nikkontrollaw affarijiet żgħar oħra, li minkejja li mhumiex ser iwaqqfu l-gwerra per se, xorta jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir, kemm għalina u kemm għal ta’ madwarna. Hawn taħt tista’ ssib ftit punti li jistgħu jgħinuk, inklużi strateġiji li jinvolvu lilek biss u oħrajn li jinvolvu lil ħaddieħor. Qabel il-konklużjoni ssib sezzjoni li tipprovdi ħoloq diretti biex taċċessahom jekk tixtieq tagħti kontribut finanzjarju. Il-lista tinkludi kemm entitajiet lokali u anke internazzjonali.

Strateġiji Individwali

  1. Ikkontrolla l-konsum tiegħek tal-media u ara x’taqsam inti fuq il-media

       Meta tillimita l-konsum tiegħek tal-media, tkun qed tipproteġi lilek innifsek minn sors ta’ biża’.

  • Prova alloka ħin limitat li waqtu biss tħalli lilek innifsek tissodisfa l-bżonn għal iktar informazzjoni; agħmel mezz li ma taqbiżx dan il-ħin;
  • B’mod konxju, agħżel li ma tħarisx lejn il-mobile; jekk ma jirnexxilekx tiddixxiplina lilek innifsek hekk, ipprova poġġih f’kamra oħra;
  • Itfi n-notifikazzjonijiet tal-ismart phone li jiġbdulek l-attenzjoni lejn apps tas-social media u li jaġġornawk bl-aħħar aħbarijiet;
  • Aċċerta ruħek li s-sorsi ta’ informazzjoni li qed tagħżel huma affidabbli, u kemm jista’ jkun evita li tesponi ruħek għal informazzjoni sensazzjonali jew xeni grafiċi żżejjed;
  • Tesponix ruħek għal aħbarijiet tal-biża’ l-ewwel ħaġa hekk kif tqum jew l-aħħar ħaġa qabel torqod;
  • Evita li tintilef f’doomscrolling u taqax fin-nassa li tfittex iżżejjed fuq l-internet sabiex tissostanzja jew tinnega l-ikbar beżgħat tiegħek;
  • Evita li taqsam posts li jbeżżgħu u li huma mgħobbija b’enerġija negattiva dwar din il-kriżi.
  1. Ħu ħsieb ta’ ġismek

Jekk tisma’ x’għandu xi jgħidlek ġismek, tinduna li jeħtieġ kemm il-fsied u s-sostenn, kemm sfidi u eżerċizzju, kif ukoll li jgawdi l-kalma u li jitpaxxa bis-sbuħija tan-natura.

  • Iddedika ħin biex tieħu n-nifs b’mod konxju. Din l-arti teħtieġ il-paċenzja imma toffri benefiċċji kbar, eżempju, li qalbek tħabbat iktar bil-mod u hekk tikkalmalek moħħok u ġismek;
  • Qatta’ ħin fin-natura u paxxi għajnejk b’xeni pittoreski;
  • Jekk tista’ takkwista massage jew tmur l-ispa, ikunlek mod ta’ kif tfissed ftit lil ġismek u tgawdi l-mument preżenti;
  • Agħmel l-eżerċizzju u ħoss l-enerġija u l-pożittività li jħallu l-kimiċi li jiġu rilaxxati bl-eżerċizzju;
  • Oqgħod attent għal xħin u kemm torqod u kun żgur li qed tistrieħ biżżejjed. Għin lilek innifsek billi tillimita l-ammont ta’ kafeina u alkoħol li tikkonsma;
  • Jekk qatt ma ppruvajt il-yoga u l-meditazzjoni, ippruvahom…m’għandek xejn x’titlef, anzi ħafna x’takkwista. Jekk ġieli ppruvajthom u forsi ma bqajtx konsistenti fihom, immira għal sessjoni waħda ta’ yoga/meditazzjoni u jekk tgħinek, alloka ħin għal sessjoni oħra;
  • Tinsiex il-valur tal-ikel nutrittiv u ta’ biżżejjed ilma biex ġismek jiffunzjona aħjar.
  1. Stabbilixxi rutina ta’ attivitajiet li jsostnulek saħħtek, u żomm magħha

Meta żżomm ma’ rutina tkun qed tipprovdi lilek innifsek b’sens ta’ sigurtà u kontroll. Hekk kif tagħmel il-ġurnata tiegħek iktar prevedibbli, hemm ċans li tħossok f’kontroll aħjar ta’ ħajtek.

  • Prova qum kuljum fl-istess ħin;
  • Attività li tista’ tgħinek hija “body scan” fejn tiffoka fuq kif jinħass ġismek u hekk ma tibqax maqbud f’moħħok. Hawn diversi sorsi onlajn li jistgħu jiggwidawk, jekk din il-ħaġa hija ġdida għalik;
  • Kun selettiv fl-attivitajiet tiegħek ta’ kuljum. Agħżel attivitajiet li jagħtuk il-ħajja minflok dawk li jgħabbuk b’toqol u biża’ żejda;
  • Evita li tibqa’ thewden dwar l-agħar ħaġa li tista’ tiġri. Minflok, ipprova rrepeti mantras li jistgħu jgħinuk, bħal: “Din se tgħaddi wkoll”;
  • Illimita diskussjonijiet dwar is-suġġett, u evita temi li jqanqlu biża’, speċjalment waqt mumenti ta’ kwalità ma’ nies għal qalbek.
  1. Oqgħod mal-emozzjonijiet tiegħek

Meta wieħed imewwet jew jinnega l-emozzjonijiet tiegħu, forsi jkun jista’ jkampa aħjar, imma dan biss għal żmien qasir. Meta ma tirrikonoxxix dak li tkun qed tħoss, fl-aħħar mill-aħħar ikollok taffaċċja emozzjonijiet ikbar li jkun iktar diffiċli biex tipproċessahom.

  • Sib ħin li fih tkun waħdek fejn tista’ taffaċċja b’mod sagħan il-beżgħat tiegħek. Trattahom bla ġudizzju u pprovdi lit-tifel/tifla mbeżża’/għa ta’ ġo fik preżenza konsistenti mimlija mħabba;
  • Hemm strateġiji li l-bniedem ġieli juża bħala mod ta’ kif jikkomforta lilu nnifsu; oqgħod attent meta tinnutak li qed taqa’ f’xi waħda minn dawn: ħidma esaġarata; infiq ta’ flus bl-addoċċ; eżerċizzju eċċessiv; ħin żejjed quddiem il-kompjuter jew fuq il-mobile; nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni; abbuż ta’ sustanzi; dipendenza fuq is-sess; jew li tinfexx fl-ikel.
  • Ibki jekk għandek bżonn. Meta tibki l-ġisem jirrilaxxa endorphins, cioè, kimiċi naturali li jistgħu jrendu fejqan u katarsi. Meta bniedem jibki jkun ukoll qed jatratta lejh persuni li jimpurtahom minnu u hekk tibda dinamika ta’ konnessjoni;
  • Ladarba tħossok assigurat li inti se tkun hemm għalik innifsek, iktar tkun fiċ-ċans li tadotta l-lezzjonijiet li ħadt mill-pandemija u tużahom biex tikkontrolla l-beżgħat preżenti.

Ilħaq lill-Oħrajn

  1. Oħloq relazzjoni mal-oħrajn
  • Żomm għajnejk miftuħin għal nies vulnerabbli u waħedhom u appoġġjahom bl-aħjar mod li tista’;
  • Jekk tħobb l-annimali, ilgħab magħhom jew fissidhom, għax din tista’ sservi ta’ terapija.
  1. Aħseb f’modi ta’ kif tista’ tikkontribwixxi direttament

Hemm diversi inizjattivi, kemm lokali u anke internazzjonali li qed jissapportjaw il-vittmi ġewwa l-Ukraina:

  • Caritas Malta – agħti donazzjoni hawn
  • Department of Social Work and Social Policy (l-Università ta’ Malta) – aqra kif tista’ tagħti donazzjoni hawn
  • Il-Ġiżwiti f’Malta – Ċempel fuq 79001241 għal iktar informazzjoni jew ibgħat il-flus fuq dan-numru permezz ta’ Revolut.
  • MOAS – agħti donazzjoni hawn
  • Nova Ukraine agħti donazzjoni hawn
  • The Ukrainian Red Cross agħti donazzjoni hawn
  • Ukraine Humanitarian Fund – agħti donazzjoni hawn
  • UNICEF  agħti donazzjoni hawn

The Kyiv Independent, gazzetta Ingliża fl-Ukraina, hija entità oħra li inti tista’ tgħin. It-tim tagħhom jinsab fuq il-kamp tal-battalja u qed jipprovdina bl-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet. Inti tista’ tgħinhom billi tagħti donazzjoni fuq GoFundMe jew fuq Patreon.

Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tgħin lill-Ukraini, tista’ ċċempel fuq 22199000.

  1. Fittex l-għajnuna jekk teħtieġha
  • Żur prattikant tas-saħħa mentali jekk qed tħossok imtaqqal minn diqa eċċessiva, sens ta’ telfa jew ansjetà. Jista’ jagħti l-każ li qed tesperjenza vicarious trauma.

Jien u nikteb dan l-artiklu waqaft għal ftit minuti biex niżbogħ duffrejja għaċ-ċena tal-lejla. Jien u nagħmel in-nailpolish aħmar irriflettejt fuq kemm hi ironika li jien qed niżbogħ dufrejja waqt li nies f’pajjiż ieħor qed jiġġieldu għal ħajjithom, jitolbu li tiġihom tajba. Però, minkejja li din hija kriżi reċenti, dan l-iżbilanċ mhuwiex wieħed ġdid għall-mod ta’ kif topera d-dinja. Dejjem kien hemm nies jiffangaw fl-ikel waqt li oħrajn imutu bil-ġuħ; tfajla mġenna bl-imħabba għall-maħbub tagħha waqt li ħabibtha tissielet mat-telfa qarsa ta’ ommha. Parti mill-misteru tal-ħajja hija proprju din id-duwalità ta’ uġigħ u pjaċir, ta’ rutina u passjoni, li jeżistu fl-istess ħin. Dan misteru li forsi diffiċli inġerrgħu imma jkun għaqli li nagħrfu naċċettawh u nħaddnuh.

 

This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS)
This publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein.