You are currently viewing Kif tista’ tikkontrolla l-Ansjetà dwar il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina
Flag of Russia and Ukraine painted on a concrete wall. Relationship between Ukraine and Russia

Kif tista’ tikkontrolla l-Ansjetà dwar il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina

Ċaħda/Disclaimer: Waqt li dan l-artiklu jiffoka fuq il-benesseri tagħna aħna u nsegwu
din il-gwerra, ma ninsewx is-sofferenza ta’ dawk li qed jiġu affettwati direttament
minn dan il-kunflitt, ċioè, l-Ukraini u anke dawk ir-Russi li huma kontra din l-invażjoni.

Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)


Dak li qed jiġri bħalissa ġewwa l-Ukraina qed jixxandar fuq kull pjattaforma tal-aħbarijiet aċċessibbli
għalina, tant li qed niġu bbumbardjati b’xeni ta’ qtil, ċittadini feruti u ġenituri jibku t-telfa ta’
wliedhom immassakrati quddiemhom. Għalhekk huwa normali ħafna li wieħed iħossu anzjuż jew
beżgħan, bla saħħa biex jgħin lilu nnifsu u mingħajr tama. Għaliex, hekk kif ħsibna li l-pandemija kienet
l-agħar ħaġa li qatt stajna nesperjenzaw, issa qed jitteħdilna saħansitra l-aħħar ftit sens ta’ kontroll li
kien fadlilna minħabba l-pandemija.
Imma tajjeb nirrikonoxxu li xorta waħda nistgħu nikkontrollaw affarijiet żgħar oħra, li minkejja li
mhumiex ser iwaqqfu l-gwerra per se, xorta jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir, kemm għalina u kemm
għal ta’ madwarna. Hawn taħt tista’ ssib ftit punti li jistgħu jgħinuk, inklużi strateġiji li jinvolvu lilek
biss u oħrajn li jinvolvu lil ħaddieħor. Qabel il-konklużjoni ssib sezzjoni li tipprovdi ħoloq diretti biex
taċċessahom jekk tixtieq tagħti kontribut finanzjarju. Il-lista tinkludi kemm entitajiet lokali u anke
internazzjonali.
Strateġiji Individwali

  1. Ikkontrolla l-konsum tiegħek tal-media u ara x’taqsam inti fuq il-media
    Meta tillimita l-konsum tiegħek tal-media, tkun qed tipproteġi lilek innifsek minn sors ta’ biża’.
    • Prova alloka ħin limitat li waqtu biss tħalli lilek innifsek tissodisfa l-bżonn għal iktar
    informazzjoni; agħmel mezz li ma taqbiżx dan il-ħin;
    • B’mod konxju, agħżel li ma tħarisx lejn il-mobile; jekk ma jirnexxilekx tiddixxiplina lilek innifsek
    hekk, ipprova poġġih f’kamra oħra;
    • Itfi n-notifikazzjonijiet tal-ismart phone li jiġbdulek l-attenzjoni lejn apps tas-social media u li
    jaġġornawk bl-aħħar aħbarijiet;
    • Aċċerta ruħek li s-sorsi ta’ informazzjoni li qed tagħżel huma affidabbli, u kemm jista’ jkun
    evita li tesponi ruħek għal informazzjoni sensazzjonali jew xeni grafiċi żżejjed;
    • Tesponix ruħek għal aħbarijiet tal-biża’ l-ewwel ħaġa hekk kif tqum jew l-aħħar ħaġa qabel
    torqod;
    • Evita li tintilef f’doomscrolling u taqax fin-nassa li tfittex iżżejjed fuq l-internet sabiex
    tissostanzja jew tinnega l-ikbar beżgħat tiegħek;
    • Evita li taqsam posts li jbeżżgħu u li huma mgħobbija b’enerġija negattiva dwar din il-kriżi.
  2. Ħu ħsieb ta’ ġismek
    Jekk tisma’ x’għandu xi jgħidlek ġismek, tinduna li jeħtieġ kemm il-fsied u s-sostenn, kemm sfidi
    u eżerċizzju, kif ukoll li jgawdi l-kalma u li jitpaxxa bis-sbuħija tan-natura.
    • Iddedika ħin biex tieħu n-nifs b’mod konxju. Din l-arti teħtieġ il-paċenzja imma toffri benefiċċji
    kbar, eżempju, li qalbek tħabbat iktar bil-mod u hekk tikkalmalek moħħok u ġismek;
    • Qatta’ ħin fin-natura u paxxi għajnejk b’xeni pittoreski;
    • Jekk tista’ takkwista massage jew tmur l-ispa, ikunlek mod ta’ kif tfissed ftit lil ġismek u tgawdi
    l-mument preżenti;
    • Agħmel l-eżerċizzju u ħoss l-enerġija u l-pożittività li jħallu l-kimiċi li jiġu rilaxxati bl-eżerċizzju;
    • Oqgħod attent għal xħin u kemm torqod u kun żgur li qed tistrieħ biżżejjed. Għin lilek innifsek
    billi tillimita l-ammont ta’ kafeina u alkoħol li tikkonsma;
    • Jekk qatt ma ppruvajt il-yoga u l-meditazzjoni, ippruvahom…m’għandek xejn x’titlef, anzi
    ħafna x’takkwista. Jekk ġieli ppruvajthom u forsi ma bqajtx konsistenti fihom, immira għal
    sessjoni waħda ta’ yoga/meditazzjoni u jekk tgħinek, alloka ħin għal sessjoni oħra;
    • Tinsiex il-valur tal-ikel nutrittiv u ta’ biżżejjed ilma biex ġismek jiffunzjona aħjar.
  3. Stabbilixxi rutina ta’ attivitajiet li jsostnulek saħħtek, u żomm magħha
    Meta żżomm ma’ rutina tkun qed tipprovdi lilek innifsek b’sens ta’ sigurtà u kontroll. Hekk kif
    tagħmel il-ġurnata tiegħek iktar prevedibbli, hemm ċans li tħossok f’kontroll aħjar ta’ ħajtek.
    • Prova qum kuljum fl-istess ħin;
    • Attività li tista’ tgħinek hija “body scan” fejn tiffoka fuq kif jinħass ġismek u hekk ma tibqax
    maqbud f’moħħok. Hawn diversi sorsi onlajn li jistgħu jiggwidawk, jekk din il-ħaġa hija ġdida
    għalik;
    • Kun selettiv fl-attivitajiet tiegħek ta’ kuljum. Agħżel attivitajiet li jagħtuk il-ħajja minflok dawk li
    jgħabbuk b’toqol u biża’ żejda;
    • Evita li tibqa’ thewden dwar l-agħar ħaġa li tista’ tiġri. Minflok, ipprova rrepeti mantras li jistgħu
    jgħinuk, bħal: “Din se tgħaddi wkoll”;
    • Illimita diskussjonijiet dwar is-suġġett, u evita temi li jqanqlu biża’, speċjalment waqt mumenti
    ta’ kwalità ma’ nies għal qalbek.
  4. Oqgħod mal-emozzjonijiet tiegħek
    Meta wieħed imewwet jew jinnega l-emozzjonijiet tiegħu, forsi jkun jista’ jkampa aħjar, imma
    dan biss għal żmien qasir. Meta ma tirrikonoxxix dak li tkun qed tħoss, fl-aħħar mill-aħħar ikollok
    taffaċċja emozzjonijiet ikbar li jkun iktar diffiċli li tipproċessa.
    • Sib ħin li fih tkun waħdek fejn tista’ taffaċċja b’mod sagħan il-beżgħat tiegħek. Trattahom bla
    ġudizzju u pprovdi lit-tifel/tifla mbeżża’/għa ta’ ġo fik preżenza konsistenti mimlija mħabba;
    • Hemm strateġiji li l-bniedem ġieli juża bħala mod ta’ kif jikkomforta lilu nnifsu; oqgħod attent
    meta tinnutak li qed taqa’ f’xi waħda minn dawn: ħidma esaġarata; infiq ta’ flus bl-addoċċ;
    eżerċizzju eċċessiv; ħin żejjed quddiem il-kompjuter jew fuq il-mobile; nuqqas ta’
    soċjalizzazzjoni; abbuż ta’ sustanzi; dipendenza fuq is-sess; jew li tinfexx fl-ikel.
    • Ibki jekk għandek bżonn. Meta tibki l-ġisem jirrilaxxa endorphins, cioè, kimiċi naturali li jistgħu
    jrendu fejqan u katarsi. Meta bniedem jibki jkun ukoll qed jatratta lejh persuni li jimpurtahom
    minnu u hekk tibda dinamika ta’ konnessjoni;
    • Ladarba tħossok assigurat li inti se tkun hemm għalik innifsek, iktar tkun fiċ-ċans li tadotta llezzjonijiet li ħadt mill-pandemija u tużahom biex tikkontrolla l-beżgħat preżenti.
    Ilħaq lill-oħrajn
  5. Oħloq relazzjoni mal-oħrajn
    • Żomm għajnejk miftuħin għal nies vulnerabbli u waħedhom u appoġġjahom bl-aħjar mod li tista’;
    • Jekk tħobb l-annimali, ilgħab magħhom jew fissidhom, għax din tista’ sservi ta’ terapija.
  6. Aħseb f’modi ta’ kif tista’ tikkontribwixxi direttament
    Hemm diversi inizjattivi, kemm lokali u anke internazzjonali li qed jissapportjaw il-vittmi ġewwa lUkraina:

  • Department of Social Work and Social
    Policy (l-Università ta’ Malta) – aqra kif
    tista’ tagħti donazzjoni hawn
  • Caritas Malta – agħti donazzjoni hawn
  • Il-Ġiżwiti f’Malta – Ċempel fuq
    79001241 għal iktar informazzjoni jew
    ibgħat il-flus fuq dan-numru permezz ta’
    Revolut.
  • MOAS – agħti donazzjoni hawn
  • Nova Ukraine – agħti donazzjoni hawn
  • The Ukrainian Red Cross – agħti
    donazzjoni hawn
  • Ukraine Humanitarian Fund – agħti
    donazzjoni hawn
  • UNICEF – agħti donazzjoni hawn
    The Kyiv Independent, gazzetta Ingliża fl-Ukraina, hija entità oħra li inti tista’ tgħin. It-tim tagħhom
    jinsab fuq il-kamp tal-battalja u qed jipprovdina bl-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet. Inti tista’
    tgħinhom billi tagħti donazzjoni fuq GoFundMe jew fuq Patreon.
    Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tgħin lill-Ukraini, tista’ ċċempel fuq 22199000.

  1. Fittex l-għajnuna jekk teħtieġha
    • Żur prattikant tas-saħħa mentali jekk qed tħossok imtaqqal minn diqa eċċessiva, sens ta’
    telfa jew ansjetà. Jista’ jagħti l-każ li qed tesperjenza vicarious trauma.
    Jien u nikteb dan l-artiklu waqaft għal ftit minuti biex niżbogħ duffrejja għaċ-ċena tal-lejla. Jien u
    nagħmel in-nailpolish aħmar irriflettejt fuq kemm hi ironika li jien qed niżbogħ dufrejja waqt li nies
    f’pajjiż ieħor qed jiġġieldu għal ħajjithom, jitolbu li tiġihom tajba. Però, minkejja li din hija kriżi
    reċenti, dan l-iżbilanċ mhuwiex wieħed ġdid għall-mod ta’ kif topera d-dinja. Dejjem kien hemm
    nies jiffangaw fl-ikel waqt li oħrajn imutu bil-ġuħ; tfajla mġenna bl-imħabba għall-maħbub tagħha
    waqt li ħabibtha tissielet mat-telfa qarsa ta’ ommha. Parti mill-misteru tal-ħajja hija proprju din idduwalità ta’ uġigħ u pjaċir, ta’ rutina u passjoni, li jeżistu fl-istess ħin. Dan misteru li forsi diffiċli
    inġerrgħu imma nkunu għaqlin jekk nagħrfu naċċettawh u nħaddnuh.

This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS)
This publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein. 

Leave a Reply