Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)
Diċembru jaf ikun xahar iebes għal xi wħud minna. Dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom bla dubju jiftakru li dan se jkun Milied ieħor mingħajr din il-persuna għażiża. Dawk li għadhom ma sabux persuna ma’ min jaqsmu ħajjithom, forsi jiftakru li dan se jkun Milied ieħor waħedhom. Imma min jaf kieku nikkultivaw imħabba lejnna nfusna? Min jaf kieku niftakru li nistgħu nduru fuqna nfusna jekk imkien ma nħossuh li hu d-dar tagħna?
Inkunu Ta’ Wens Għalina Nfusna
“Love is all you need” jew ‘l-imħabba biss għandna bżonn’, skont id-diska klassika tal-Beatles. Meta naħsbu fl-imħabba, ġeneralment naħsbu fir-rabta bejn familjari u maħbubin. Fil-fatt, l-imħabba forsi iktar infittxuha fuq barra. Imma aħna nafu li daqskemm għandna bżonn l-appoġġ tal-oħrajn, l-imħabba lejnna nfusna hija l-iktar forma bażika ta’ mħabba li jmissna nagħtu. Kif nistgħu nkunu ta’ wens għalina nfusna?
- Li nadottaw prattika fejn minn ħin għall-ieħor naraw kif aħna u nisimgħu dak li għandna bżonn, huwa forsi l-iktar post bażiku li nistgħu nibdew minnu.
- Imbagħad, li nikkommettu li nonoraw dawn il-bżonnijiet biex nistabbilixxu l-konfini li hemm bżonn, jista’ jkun il-pass li jmiss.
- Li nuru kompassjoni magħna nfusna huwa rigal ieħor li t-tifel jew tifla ta’ ġo fina forsi għandu/ha bżonn, speċjalment jekk imdorri/ja tiġġieled ma’ sentimenti ta’ mistħija (shame), rimors, jew biża’.
- U li nkellmu lilna nfusna bl-istess mod li nkellmu ħabib/a qrib tagħna, jista’ jinstema’ bħala parir sempliċi imma mhux bilfors huwa daqshekk faċli li nagħmlu dan, speċjalment meta nħossuna li nkunu għarraqna kollox.
Imħabba bla kundizzjoni hija t-tip ta mħabba li suppost tagħti lilek innifsek. Huwa faċli li tħobb lilek innifsek meta kulħadd ikun qed iċapċaplek u jinkoraġġik. Il-biċċa xogħol hija biex noħolqu dar ta’ komfort għalina nfusna, li fiha nwiegħdu lit-tifel/tifla ta’ ġo fina li m’aħniex ser nabbandunawh/a, anke jekk inkun għaffiġnieha waħda sew.
Meta qed ngħidu li għandna noħoqlu dar għalina nfusna qed infissru li ġisimna u l-ħajja interjuri tagħna għandna nagħmlu minnhom post sabiħ u komdu biex ngħixu fih, sabiex meta nħossuna mitlufin, inkunu nistgħu nirrikorru lejn spazju li jilqgħek, fejn l-imħabba ta’ ġo fina tkun qisha ilma ġieri li jibqa’ għaddej. Anke meta ħaddieħor ma japprezzax il-valur tiegħek, meta forsi ma jifhmukx jew jitrattawk ħażin, li tkun tista’ ddur fuqek innifsek huwa privileġġ kbir li inti jistħoqqlok.
15-il Mod Ta’ Kif Tħobb Lilek Innifsek Aħjar fl-2023
- Kun af lilek innifsek – Jekk ma tkunx taf min vera int, ma tistax tkun konxju/a ta’ dak li teħtieġ u kif l-aħjar tħobb lilek innifsek. Din hija lista biex tixprunak ħalli tistaqsi mistoqsijiet li jistgħu jgħinuk issir taf lilek innifsek aħjar.
- Għid le meta hemm bżonn – Dan jipprevjenik milli teżawrixxi lilek innifsek u jgħinek tikkultiva rispett lejk innifsek.
- Illimita l-attivitajiet li jġiegħluk tikkumpara lilek innifsek ma’ ħaddieħor – dan jgħinek biex taffaċċja s-sbuħija ta’ min int u possibilment ifakkrek li ħadd mhu aħjar minn ħadd; aħna sempliċiment differenti minn xulxin.
- Ipprattika l-mindfulness regolarment – dan jgħinek biex tkun iktar preżenti, li huwa eżerċizzju tajjeb biex inti tinħall mill-aspettattivi u l-ġudizzji waqt li tkun preżenti għal dak li hu.
- Kun af dak li int tajjeb/tajba fih, u użah – hekk tkun qed tagħmel ġustizzja miegħek innifsek u possibilment isservi għan ikbar permezz tat-talenti tiegħek.
- Aħfer lilek innifsek – Kun ħanin miegħek innifsek u ftakar li int uman/a. L-iżbalji huma normali u l-fallimenti huma lezzjonijiet.
- Ħaddan il-fatt li ċertu nies mhux se jkollhom grazzja miegħek – Meta tipprova kemm tiflaħ biex togħġob lil kulħadd, tkun qed tagħżaq fl-ilma. Ġemma’ dik l-enerġija u użaha biex issir taf lilek innifsek aħjar u biex turi iktar kompassjoni miegħek innifsek.
- Ikkrea spazji għall-ferħ fl-iskeda tiegħek ta’ kuljum – Alloka ħin, bħala parti mill-orarju tiegħek, fejn tkun sempliċiment qed tgawdi s-sbuħija tal-ħajja – kemm jekk dan għalik ifisser li tkun qed tgawdi n-natura u anke jekk tkun qed tipprattika xi passatemp li jgħinek tħossok ferħan/a li inti ħaj/ja.
- Ikteb ħaġa waħda li int grat/a għaliha qabel ma torqod – dan jgħinek tikkultiva l-gratitudni li għandha ħafna benefiċċji, waħda minnhom hi li tagħti l-ferħ.
- Ħoss il-ħsus tiegħek – tinvalidax, timminizzax u tiġġudika l-ebda sentiment, anke jekk ikun ikrah jew iebes. Meta tinnega emozzjoni partikolari, tkun, fil-verità, qed tinnega parti minn min int. Ħoss is-sentimenti b’mod olistiku u stazzjonahom b’mod rispettabbli lejk innifsek u b’mod li jonora l-benesseri tiegħek.
- Ħu ħsieb sew ta’ ġismek – ġismek huwa l-uniku wieħed li għandek. Għin lilek innifsek biex tħossok aħjar fiżikament billi teżerċita ġismek, issostnih b’ikel nutrittiv, tistrieħ kemm għandek bżonn, u tillimita l-konsum tal-alkoħol u d-droga.
- Staqsi għall-għajnuna meta jkollok bżonn – dan mhux sinjal ta’ dgħufija. Kollha kemm aħna għandna bżonn l-għajnuna u nagħmlu pass kbir meta nirrikonoxxu l-limiti tagħna u nistaqsu għall-għajnuna.
- Kellem lilek innifsek bil-ħlewwa – li tgħajjar lilek innifsek, tavvelixxi lilek innifsek u tikkritika dak li inti b’mod iebes, dawn ma jaħdmux. Imma l-kompassjoni li turi lejk innifsek taħdem, l-imħabba li trawwem lejk innifsek taħdem, li tifhem lilek innifsek taħdem.
- Dawwar lilek innifsek b’nies li jitrattawk bi ħlewwa u rispett – dan jista’ jkun iktar faċli jekk tkun diġà bdejt il-vjaġġ tiegħek ta’ mħabba lejk innifsek, għaliex hemm it-tendenza li l-bniedem jatratta dak li jemmen li ħaqqu. Madanakollu tkellem meta n-nies ma jitrattawkx tajjeb.
- Ikkalma u strieħ – ipprijoritizza dak li għandek tagħmel u oħloq spazju għall-mistrieħ u mod kajman li bih tgħix il-ġurnata. Dan jagħmel il-mirakli għall-benesseri tiegħek u jagħtik spazju biex terġa’ tieħu l-ħajja.
3 Modi kif it-Terapija Tista’ Tgħinna Biex Inħobbu Lilna Nfusna Aħjar
- Issaħħaħ l-impenn tagħna biex inħobbu lilna nfusna – is-sempliċi fatt li tmur għas-sessjonijiet tat-terapija diġà huwa pass kbir biex tħobb lilek innifsek. L-impenn kontinwu lejn it-terapija u l-ħidma li din tirrikjedi, huma passi kbar fil-vjaġġ tiegħek biex tħobb lilek innifsek.
- Tgħinek issir taf lilek innifsek aħjar – perspettiva ta’ xi ħadd barrani tista’ tgħinna nkunu iktar konxji tal-qawwiet u d-dgħufijiet tagħna. Il-persuna professjonali tkun imħarrġa biex tistaqsi l-mistoqsijiet adattati, u taf anke tgħinek tisma’ l-mod ta’ kif tkellem lilek innifsek u kemm forsi tiġġudika lilek innifsek b’mod aħrax.
- Post sikur fejn tista’ tħoss is-sentimenti tiegħek – il-professjonisti huma mħarrġa wkoll f’kif jivvalidaw dak li inti tħoss u anke f’kif joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex inti trawwem kurżità lejn il-ħsus tiegħek, mingħajr ma tiġġudika ebda sentiment bħala tajjeb jew ħażin.
Li nkunu wisq impenjati mhijiex skuża valida biex ma nurux imħabba lejnna nfusna. Iktar ma tieħu ħsieb tiegħek innifsek, iktar tkun tista’ tgawdi l-ħajja fil-milja tagħha. U ma tkunx ironika kieku nkunu tant impenjati biex naqdu dmirijietna, li ma jkollniex ċans biex ingawdu din l-unika ħajja li għandna?
Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz taI-Voluntary Organisations Project Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru Ghall-Inkluzjoni, Il-Volontarjat u d-Drittijiet Tal-Konsumatur. Din il-pubblikazzjoni/Dan il-proġettt/jirrifletti biss il-veduti u l-ħsibijiet tal-pubblikaturi/awturi, u l- l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ma jistax jinżamm responsabbli għall-kontenut jew għall-użu li jista jsir minn dan l-istess kontenut.