You are currently viewing Is-Suċċess: Talent biss jew xi ħaġa oħra?

Is-Suċċess: Talent biss jew xi ħaġa oħra?

Awtriċi: Sarah Borg, Dip. HE (Melit.); B.A. (Hons) (Melit.)

F’Lulju ħafna minna rċevew ir-riżultati tal-eżamijiet. Waqt li xi wħud tpaxxew bis-suċċess tagħhom, oħrajn jista’ jkun li kienu ddiżappuntati bir-riżultati li ġabu. Minkejja li dawk li jġibu marki għoljin spiss jirċievu l-iktar tifħir u attenzjoni, iktar riċerka qed tenfasizza l-importanza tal-grinta, perseveranza, kif ukoll li jkollok mentalità li tgħinek tikber (‘growth mindset’), bħala l-kwalitajiet li għandek taspira għalihom.

X’inhi Grinta?

Angela Duckworth, l-awtriċi tal-ktieb Grit: Why Passion and Resilience are the Secrets to Success, hija sors prinċipali ta’ informazzjoni dwar din il-kwalità għaliex hija studjatha fil-fond permezz ta’ servej speċifikament dwar il-grinta li fformolat u użat ma’ etajiet differenti f’bosta sitwazzjonijiet. Hija tiddefinixxi l-grinta bħala passjoni u perseveranza għal għanijiet fit-tul, u tqabbilha mal-idea li jkollok stamina u li tibqa’ leali lejn il-futur, ġurnata b’ġurnata … għal snin, u li taħdem qatigħ sabiex tagħmel dak il-futur realtà. “Grinta hija meta tgħix il-ħajja daqslikieku hija maratona, mhux sprint”.

Waħda mis-sejbiet ta’ Duckworth hija li permezz ta’ biżżejjed dedikazzjoni u repetizzjoni, il-grinta tista’ anke tikber. U l-aħbar it-tajba hija li l-grinta mhijiex kwalità li jew titwieled biha jew mingħajrha; iżda bħal ħafna kwalitajiet oħra, tista’ tiġi kkultivata. Sejba oħra interessanti hija li l-fatt li jkollok talent, don jew ġenju fik, mhux neċessarjament jagħtik din il-kwalità. Fil-fatt, hemm biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li l-grinta u t-talent huma spiss relatati bil-maqlub.

Perseveranza: għalfejn il-passjoni waħedha mhix biżżejjed

Is-sejba li s-suċċess mhuwiex limitat għal dawk li għandhom xi talent eċċezzjonali tista’ twaqqagħna fin-nassa li naħsbu li ladarba nkunu ppassjonati dwar l-għanijiet tagħna, allura nkunu nistgħu nagħmluhom realtà. Però l-verità hi li l-passjoni taf tixgħel il-magna, però mhix biżżejjed biex twassalna sad-destinazzjoni finali.

Bħalma Steven Pressfield jinsisti fil-kotba popolari tiegħu, jekk trid tirnexxi f’xi ħaġa, inti għandek tipprattikaha regolarment u tagħmel dak kollu li hu meħtieġ sabiex l-għan aħħari tiegħek isir realtà. Biż-żmien dawn l-azzjonijiet isiru parti mill-użanzi tiegħek ta’ kuljum. Li tippersevera f’dawn l-użanzi neċessarji anke meta ma jkollokx aptit, anke meta sħabek kollha qed jagħmlu l-oppost, dan huwa dak li se jiddistingwik mill-massa. Li tirrifjuta li tieqaf wara attentati falluti konsekuttivi, li tibqa’ hemm anke fil-maltemp, u li ssostni l-isforzi tiegħek anke meta tħossok bla tama…dan huwa dak li se jwasslek fejn tixtieq.

U jekk nitlef opportunità darba għal dejjem? Il-valur ta’ mentalità li tkabbrek

Aħna nafu li ċertu opportunitajiet mhux neċessarjament jerġgħu jiġu. U oħrajn sempliċiment mhumiex maqtugħin għalina. Quddiem l-isfidi, il-falliment, id-diżappunt u n-nuqqas ta’ qawwa, il-mentalità li tkabbrek toffri direzzjoni ’l quddiem li hija ta’ ġid għall-benesseri tagħna. It-terminu ‘growth mindset’ maħluq minn Dr Carol Dweck, jirreferi għall-fiduċja fl-abbiltà tal-bniedem li jsir aħjar permezz ta’ xogħol iebes u għajnuna mingħand ħaddieħor. Għall-kuntrarju ta’ mentalità magħluqa (‘fixed mindset’), li temmen li wieħed jew ikollu kwalità partikolari jew ma jkollux, il-mentalità li tkabbrek temmen fil-possibbiltà li titgħallem abbiltajiet ġodda u li ttejjeb lilek innifsek permezz ta’ biżżejjed xogħol, appoġġ u ħin. Għalhekk, telfa ta’ opportunità tinbidel f’opportunità biex tiskopri waħda ġdida.

Meta nitkellmu dwar mentalità li tgħinek tikber, inkunu qed infissru l-oppost tal-kultura kurrenti, ikkaratterizzata minn gratifikazzjoni instantanja. Filwaqt li din it-tip ta’ kultura ssib il-milja tagħha fil-komfort u l-pjaċir immedjat, il-mentalità li tkabbrek hija iktar orjentata fuq medda ta’ żmien. Hekk kif topera fuq il-prinċipju ta’ progress bil-mod imma kostanti sabiex tilħaq għan aħħari, din il-mentalità tħaddan il-kwalitajiet ta’ grinta u perseveranza li ssemmew hawn fuq.

Kif it-Terapija tista’ Tgħin

Xi affarijiet fil-ħajja jsiru aħjar meta jkollna l-appoġġ ta’ ħaddieħor. Meta l-isforzi tiegħek biss ma jkunux biżżejjed, jista’ jkun ħafna iktar ta’ benefiċċju għalik jekk tkun umli u tistaqsi għal gwida, minflok ma tmur għal soluzzjonijiet faċli li ma titgħallem xejn minnhom. Dawn li ġejjin huma ħamsa minn ħafna modi oħra li bihom it-terapija tista’ tgħinek rigward il-kwalitajiet imsemmija f’dan l-artiklu:

  1. Kontabilità

Inti tista’ tagħżel li tagħti rendikont lill-Counsellor dwar l-isforzi tiegħek li ssaħħaħ il-grinta u l-perseveranza ta’ ġo fik b’tali mod li jimmassimizza l-probbabiltà tiegħek li tilħaq l-għanijiet li tixtieq tilħaq fil-futur.

  • Inkoraġġiment

Is-servizz ta’ Counsellor jista’ tkun sors ta’ tisħiħ pożittiv meta inti tagħmel pass ’il quddiem. Hija tkun il-persuna professjonali li inti tirrikorri għaliha u li turik li hija ġenwinament ferħana għas-suċċess tiegħek filwaqt li tinkoraġġik biex tibqa’ sejjer hekk.

  • Appoġġ u Motivazzjoni

Permezz tal-Counselling inti tirċievi empatija u appoġġ meta tagħmel xi pass lura. Il-persuna li tkun qed tassistik tista’ tfakkrek fil-potenzjal tiegħek, toffrilek sfida u tfakkrek fl-għan oriġinali tiegħek, hekk kif tiżdied il-probabbiltà li inti terġa’ tiġi mmotivat/a biex tibqa’ miexi/miexja fit-triq li biha tista’ tilħaq l-għanijiet tiegħek.

  • Esplorazzjoni, Għarfien u Opportunitajiet biex Tikber

Ma’ Counsellor tista’ tesplora jekk hemmx kuntesti f’ħajtek fejn għandek mentalità magħluqa u jekk għandekx tendenza li tadotta mentalità miftuħa f’ambiti oħrajn. Flimkien tistgħu toħorġu b’għarfien ġdid u tesploraw opportunitajiet biex tikber.

  • Tbiddel in-Narrattiva bħala Sors ta’ Setgħa

Fit-terapija, il-kundizzjonijiet adattati jiġu pprovduti sabiex inti tkun tista’:

  • tirrikonoxxi li għandek għażla
  • tkun konxju/konxja tal-istorja li tgħid lilek innifsek
  • tadatta l-kliem fin-narrattiva tiegħek (eż. tuża “nitgħallem” minflok “infalli” eċċ)

Fil-qosor, is-suċċess mhuwiex limitat għall-ġenju, għal dak li dejjem jilħaq fil-għoli jew għal min hu ffortunat. Ħafna drabi s-suċċess huwa r-riżultat ta’ xogħol iebes. Barra minn hekk, suċċess fit-tul mhuwiex ibbażat fuq sforz ta’ darba jew fuq xewqa momentarja li takkwista dak li tixtieq. Minflok, huwa spiss milħuq permezz ta’ serje ta’ sforzi żgħar magħmula konsistentament u b’devozzjoni waqt li dejjem tiffoka fuq l-għan aħħari. Li tagħmel passi lura fil-mixja lanqas mhi xi katasrofi. It-terapija tista’ tappoġġjak waqt il-mumenti mudlama tal-esperjenza tiegħek u tista’ anke toffri spazju sigur fejn inti tiċċelebra l-mumenti ta’ ferħ kif ukoll il-partijiet li joffru l-ikbar sodisfazzjon  tul il-vjaġġ tiegħek.

Referenzi

Duckworth, A. (2017). Grinta: Why passion and resilience are the secrets to success. Ebury Publishing

Mentalità Works (n.d.) Dr. Dweck’s research into growth mentalità changed education forever. https://www.mentalitàworks.com/science/          

Pressfield, S (2022). Put your ass where your heart wants to be. Sarsaparilla Media LLC

This project has been funded by the Small Initiatives Support Scheme (SIS) managed by the Malta Council for the Voluntary Sector (MCVS)This publication reflects the views only of the author, and the MCVS cannot be held responsible for the content or any use which may be made of the information contained therein.